L-infermiera u l-qwiebel ilbieraħ filgħaxija aċċettaw b’vot b’saħħtu ta’ 87% il-ftehim settorjali ġdid li kien maqbul mill-Gvern
Kienet il-Unjoni għall-Infermiera u l-Qwiebel fi stqarrija ħabbret li l-ftehim li kien intlaħaq mal-Gvern kien ġie approvat mill-membri tagħha.
L-MUMN spjegat li ħafna mill-proposti li pproponiet favur dan il-ftehim, ġew milqugħa mill-Gvern u se jkunu introdotti għall-perjodu ta’ ħames snin li jkopri dan l-istess ftehim settorjali.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook sostna li b’dan il-ftehim settorjali ġdid l-infermiera u l-qwiebel se jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar. Wera s-sodisfazzjon għal fatt li dan il-ftehim ġie approvat b’saħħa kbira mill-ħaddiema.
Il-Prim Ministru Abela tenna li l-Gvern irid li jgawdu l-ħaddiema u l-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima s-sodisifazzjoni tiegħu li kien intlaħaq dan il-ftehim tant importanti.