Tuesday, November 26, 2024

Approvat il-proġett il-ġdid dwar l-iskart organiku

Aqra wkoll

Il-Bord tal-ERA approva r-rapport tal-Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali li analizza l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ impjant ġdid biex l-iskart organiku jkun konvertit f’enerġija elettrika u kompost, bħala parti mill-Kumpless ECOHIVE ta’ WasteServ Malta.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-impatt ambjentali u tal-ERA dwar dan il-proġett jiffurmaw parti mill-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi ddeterminat il-permess tal-iżvilupp meħtieġ biex jinbena dan l-impjant il-ġdid, li se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan tal-Iskart fit-Tul tal-pajjiż 2021-2030.

Malta diġà tipproċessa l-iskart organiku kollu li jinġabar fil-borża l-bajda separat minn djar u negozji u tikkonvertih f’elettriku permezz ta’ impjant eżistenti tal-WasteServ Malta. Madankollu, kwantitajiet kbar ta’ skart organiku għadu jintrema illegalment fil-borża s-sewda li fiha jinġabar skart imħallat mhux riċiklabbli, li jispiċċa fil-miżbliet.

Fis-snin li ġejjin, id-djar u n-negozji se jkomplu jżidu s-separazzjoni tal-iskart organiku permezz ta’ miżuri u inizjattivi differenti, inkluż l-infurzar tar-regolamenti obbligatorji tas-separazzjoni tal-iskart introdotti aktar kmieni din is-sena mill-ERA.

L-impjant il-ġdid li qed jiġi propost mill-WasteServ se jkun jista’ jżid l-ipproċessar tal-kwantitajiet miżjuda ppjanati ta’ skart organiku separat, li se jiġi kkonvertit għal bijogass, biex jintuża bħala fjuwil sostenibbli biex jiġġenera l-elettriku.

Bħala parti minn dan il-proċess, l-impjant se jipproduċi wkoll kompost agrikolu. Din il-faċilità mistennija tipproċessa madwar 74,300 tunnellata ta’ skart organiku kull sena.

L-approvazzjoni saret wara li l-ERA studjat l-impatti tal-proġett u kkonfermat li l-impjant il-ġdid se jkollu benefiċċju ambjentali nett, li jifforma komponent fundamentali fl-istrateġija ta’ Malta għall-immaniġġjar tal-iskart.

Impjanti ta’ pproċessar bħal dawn huma importanti peress li jsostnu spinta lejn il-minimizzazzjoni tal-iskart fis-sors u jagħtu preferenza lill-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ fuq għażliet inqas sostenibbli, inkluż ir-rimi fil-miżbliet, u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-Unjoni Ewropea sal-2035.

Sport