Friday, December 13, 2024

Approvat investiment ta’ €40 miljun fl-iżvilupp ta’ apron ġdid mill-bord tad-diretturi tal-Ajruport Malti

Aqra wkoll

Il-Bord tad-Diretturri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta approva investiment ta’ kważi €40 miljun fl-iżvilupp ta’ apron ġdid, li se jipprovi l-infrastruttura meħtieġa għal tkabbir fit-traffiku fil-futur.

Bil-proġett ta’ Apron X se tiġi żviluppata żona ta’ madwar 100,000 metru kwadru, li hija kumparabbli mad-daqs ta’ madwar 14-il grawd tal-futbol. Permezz ta’ dan l-iżvilupp, l-ajruport se jkun jista’ jakkomoda aktar ajruplani ppakjati filwaqt li jiġġestixxi aħjar operazzjonijiet li jinvolvu flotot ta’ ajruplani mħalltin, b’mod speċjali fis-sigħat fejn il-moviment tal-ajruplani jilħqu l-quċċata tagħhom fl-istaġun tas-sajf.

Apron X se jintroduċi stands ta’ parkeġġ ġodda li se jkunu jistgħu jakkomodaw seba’ ajruplani Code C jew inkella tliet ajruplani Code E, b’dawk tal-ewwel ikunu l-aktar tip ta’ ajruplan komun li jinżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Bħalissa, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu 20 stand ta’ parkeġġ li huma maqsumin fuq Apron 8 u Apron 9.

Dan l-investiment mhux biss se jgħammar lill-Ajruport Malti b’aktar stands ta’ parkeġġ għall-ajruplani, iżda se jinkludi wkoll il-bini ta’ taxiway ġdida, bil-għan li din ittejjeb l-aċċess għal Aproon X, u l-iżvilupp ta’ żona ddedikata għal faċilitajiet użati mill-kumpaniji tal-ground handling. Dawn il-faċilitajiet anċillari se jikkumplimentaw l-iżvilupp prinċipal tal-proġett f’dan li huwa relatat mal-effiċjenza fl-operat, filwaqt li jippermettu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jimmira għal aktar tkabbir fit-traffiku u anke kummerċjali.

Il-proġett ta’ Apron X huwa maħsub ukoll b’tali mod li jgħin lill-Ajruport Malti jonora l-impenji ambjentali tiegħu permezz tal-bini ta’ ġibjun ta’ 10,000m3  biex jinġabar aktar ilma tax-xita u l-installazzjoni ta’ tidwil LED.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett huma mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin, ladarba l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti l-permess għal dan l-iżvilupp. Filwaqt li l-Kumpanija qiegħda timmira li l-ewwel stands ta’ parkeġġ jitlestew u jibdew jintużaw fil-bidu tas-sajf tal-2024, il-proġett kollu huwa mistenni li jitlesta fl-2026.

L-2022 hija t-30 sena minn meta l-binja tat-terminal il-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġiet inawgurata, u b’hekk ingħata bidu għal era ġdida għat-turiżmu u l-industrija tal-avjazzjoni lokali. Bejn l-2002, is-sena li fiha l-ajruport ġie privatizzat, u l-2021, għaddew mill-binja tat-terminal ‘il fuq minn 75 miljun passiġġier.

Ekonomija

Sport