Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-ewwel programm operattiv li pajjiżna għandu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-pakkett ta’ fondi Ewropej 2021-2027.
L-ewwel programm approvat mill-Kummissjoni Ewropea huwa dak tal-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni, b’allokazzjoni ta’ €52.3 miljun minn fondi Ewropej.
Dan il-fond jipprovdi assistenza lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jilqgħu għall-influss tal-immigranti, fost oħrajn bl-għoti ta’ faċilitajiet ta’ ażil, it-tisħiħ ta’ solidarjetà bejn l-istati membri u l-ħolqien ta’ iktar mekkaniżmi biex il-pajjiżi l-aktar milquta jkollhom appoġġ mingħand pajjiżi inqas milquta. Għaldaqstant, dan il-programm ta’ fondi Ewropej se joffri aktar appoġġ lil pajjiżna biex ikompli jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.
Fl-2020, il-Prim Ministru Robert Abela rnexxielu jinnegozja u jikseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li qatt ħadet Malta. Sussegwentament, fl-aħħar xhur, il-Gvern Malti kien għaddej b’negozjati kontinwi mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif pajjiżna se jinvesti dawn il-fondi permezz ta’ programmi differenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-ewwel programm mill-Kummissjoni Ewropea. “Il-Prim Ministru Robert Abela rnexxielu jakkwista għal Malta allokazzjoni ta’ €2.25 biljun, id-doppju tal-ammont li kellna disponibbli mill-programm 2014-2020. Għalhekk kellna d-dover li nwettqu xogħol importanti biex infasslu ideat ċari ta’ fejn u kif se nwettqu proġetti għan-nies b’dawn il-fondi.”
Is-segretarju parlamentari għall-fondi Ewropej temm jgħid li, wara li ġie approvat l-ewwel programm, il-Gvern Malti qed iħares ’il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin, la jkollna ċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fuq it-tmien programmi operattivi, jibda juża l-fondi Ewropej biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.