L-investiment kontinwu fl-Intelliġenza Artifiċjali m’għandu qatt isir b’detriment fuq id-drittijiet tal-ħaddiema f’kull ċirkostanza. Aktar minn hekk, id-data personali miġbura fuq kull individwu fuq il-post tax-xogħol għandha tinforma lill-impjegat kull fejn jeħtieġ li tintuża u bl-aktar mod trasparenti.
B’approvazzjoni ta’ aktar minn 90% tal-voti fil-kumitat LIBE, (il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew) l-opinjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba (in-negozjatur ewlieni mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi) se sservi bħala punt ta’ tluq kruċjali biex jiġu stabbiliti regoli dwar l-AI fuq il-post tax-xogħol li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema.
Wara li s-sena l-oħra ġiet adottata d-direttiva Ewropea dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi li toħloq protezzjoni u salvagwardji għall-ħaddiema permezz ta’ pjattaformi diġitali, issa l-kumitat LIBE vvota favur rapport leġiżlattiv li jestendi l-livell ta’ protezzjoni għal kull ħaddiem kemm fil-GDPR u fl-AI Act, li lkoll ikopru l-immaniġġjar algoritmiku fuq il-post tax-xogħol.
Il-Membru Parlamentari Ewropew u n-negozjatur f’isem l-S&D Alex Agius Saliba sostna li “s-sistemi mmexxija mill-AI fuq il-post tax-xogħol qed iqajmu tħassib serju rigward data personali u d-drittijiet tal-ħaddiema. Bħala ħaddiem ma tistax tkun suġġett għal deċiżjonijiet li jħallu marka diretta fuq l-individwu bħall-bidliet fis-salarju jew tmiem ta’ kuntratt.”
Agius Saliba spjega wkoll kif minkejja li taħt il-GDPR, preżentament ħaddiem għandu dritt jikkontesta deċiżjoni awtomatika li ssir fil-konfront tiegħu, “issa qed nitolbu li jkun hemm reviżjoni fil-funzjoni tas-sistema tal-immaniġġjar algoritmiku meta jkun hemm tħassib ġustifikat li dawn is-sistemi għandhom preġudizzji sistematiċi jew difetti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiem u s-sigurta’ tiegħu fuq il-post tax-xogħol.”
L-istess rapport jenfasizza l-importanza li min iħaddem għandu dejjem jinforma lill-ħaddiema tiegħu bil-miktub u mifhum b’mod ċar dwar kif u fejn għandu jsir l-użu tal-immaniġġjar algoritmiku. Qed jiġi rakomandat ukoll li jiġu evitati l-użu ta’ termini kumplessi jew lingwa teknika meta dawn ir-regoli jiġu spjegati lill-ħaddiema.
F’dinja li kulma tmur qed issir dejjem aktar diġitali, huwa strumentali li filwaqt li nadattaw mal-ħtiġijiet tal-lum, niggarantixxu li d-drittijiet u l-benessere tal-ħaddiema għandhom jiġu dejjem imħarsa u msaħħa f’kull ċirkostanza fuq il-post tax-xogħol, temm jgħid Agius Saliba.