Fir-rabaʼ kwart tal-2024 kienu approvati bʼkollox 2,259 residenza ġdida. Dan l-ammont jirreġistra żieda taʼ 74.8 fil-mija meta mqabbel mal-istess kwart tal-2023.
Stqarrija tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika tgħid li l-akbar ammont ta’ residenzi ġodda matul l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet kienu f’San Pawl il-Baħar fejn kien hemm 156.
Il-permessi tal-bini huma awtorizzazzjonijiet sabiex jinbdew proġetti ġodda taʼ bini. L-għan taʼ din l-istatistika huwa li juri l-iżvilupp ġejjieni fil-kostruzzjoni fʼtermini tan-numru taʼ residenzi ġodda li jkunu ġew approvati.
L-NSO jirraporta li fl-istess perjodu nħarġu 417-il permess tal-bini għal total taʼ 2,259 residenza ġdida. Meta mqabblin mal-istess perjodu tal-2023, in-numri taʼ permessi tal-bini u residenzi ġodda approvati żdiedu bʼ29.9 fil-mija u bʼ74.8 fil-mija, rispettivament.
L-istess statisitka titkellem ukoll dwar x’tipi ta’ residenzi ġew approvati. Fil-fatt, l-NSO jgħid li l-maġġoranza tar-residenzi ġodda approvati fir-rabaʼ kwart tal-2024 kienu appartamenti fejn kien hemm 1,615. Wara dawn, kien hemm il-penthouses fejn kien hemm 349, il-maisonettes fejn kien kienu approvat 207.
Terraced houses ġew approvati 52 u unitajiet residenzjali oħrajn ġew approvati 36. L-appartamenti ammontaw għal 71.5 fil-mija tar-residenzi ġodda kollha approvati.
Ir-rapport tal-NSO jkompli jgħid li meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2023, in-numru taʼ residenzi ġodda approvati fʼMalta żdied bi 78.5 fil-mija, filwaqt li dak fʼGħawdex u Kemmuna telaʼ bʼ54.8 fil-mija. L-ogħla numru taʼ residenzi ġodda approvati kien fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port fejn ġew approvati 660, filwaqt li l-iżgħar numru kien fid-Distrett tal-Punent fejn ġew approvati 223.
Fl-aħħar, ir-rapport jagħti ħarsa lejn l-aktar lokalitajiet li ġew approvati residenzi ġodda. Fil-fatt, ġie rraportati li San Pawl il-Baħar kellu l-akbar ammont b’156 residenza ġdida filwaqt li warajh kien hemm il-Mellieħa b’134, Birkirkara b’122, is-Swieqi b’116 u ż-Żejtun b’114.