Tuesday, March 3, 2026

Approvati b’mod unanimu mill-Parlament l-emendi legali ser iwasslu għal random roadside drug testing

Priġunerija effettiva għal dawk misjuba ħatja li qatlu persuna, anke b’mod involontarju, għax saqu taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga

Aqra wkoll

Għaddew mill-Parlament b’mod unanimu mill-istadju tat-tielet qari, emendi legali li ser iwasslu biex il-Pulizija jkunu jistgħu jibdew jagħmlu għall-ewwel darba random roadside drug testing mingħajr suspett raġonevoli jew ordni tal-Qorti, bl-għan li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà u l-ordni fit-toroq u jiġu protetti kemm jista’ jkun ċittadini onesti u responsabbli. Dan b’mod simili li jsiru testijiet tal-alkoħol. 

Dan wara ħidma li saret fl-aħħar xhur mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol flimkien mal-Korp tal-Pulizija li anke xtraw testijiet apposta. Ħidma li inkludiet it-tfassil ta’ emendi legali li issa ġew approvati fi stadju tat-tielet qari fil-Parlament.

Emendi li ser ifissru wkoll:

•⁠  ⁠Sentenza ta’ priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna, għaliex saq taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga, jew it-tnejn, anke jekk b’mod involontarju. Tneħħiet il-possibbiltà ta’ sentenza sospiża. 

•⁠  ⁠Jissaħħu l-pieni għal min isuq xurban jew taħt l-effett tad-droga.

•⁠ Jissaħħu l-liġijiet għal min isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol, tad-droga jew tat-tnejn u jikkawża inċident li jwassal għal ġrieħi gravi ħafna jew ġrieħi gravi.

•⁠  ⁠Il-Prosekuzzjoni tista’ titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti

•⁠  ⁠Agravju fil-Kodiċi Kriminali, f’każ ta’ hit and run, veloċità eċċessiva, jew vettura li tkun qegħda tinstaq mingħajr liċenzja tas-sewqan jew polza tal-assikurazzjoni, li jwassal biex il-piena tiżdied minn żewġ gradi sa tlieta.

•⁠  ⁠Ġie introdott reat ġdid għal min jipproduċi jew iqassam materjal li juri persuni jiksru l-liġijiet tat-traffiku. Dan japplika għal kontenut li jinnormalizza s-sewqan perikoluż jew iħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu l-istess. Min jinstab ħati jista’ jeħel multa ta’ €1,200 jew sa sena ħabs, iżda l-multa tista’ tinżel għal €250 jekk tingħata informazzjoni li tidentifika lill-persuni involuti.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li huwa b’dan il-mod li nassiguraw aktar ordni f’pajjiżna. Spjega li dawn l-emendi, isegwu l-introduzzjoni għall-ewwel darba ta’ Road Policing Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Fisser dawn l-emendi bħala għodda ta’ infurzar aktar b’saħħtu li għandu jkun anke ta’ deterrent biex is-sewwieqa jkunu aktar konxji tal-għażliet li jagħmlu u ta’ għemilhom. 

“Il-messaġġ tal-lum hu ċar. Tilgħabx bil-ħajja ta’ ħaddieħor, għax teħilha. Jekk xrobt, issuqx. Jekk ikkunsmajt id-droga, li diġà huwa ħażin, tal-inqas għaraf li m’għandekx tipperikola wkoll ħajjet ħaddieħor. Għalhekk qed nippromwovu sewqan b’mod għaqli, b’mod li permezz tiegħu tasal tajjeb int u ma tipperikola lil ħadd. Din hi riforma oħra fl-interess tas-soċjetà.” Il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-Membri Parlamentari li taw il-kontribut tagħhom matul il-proċess Parlamentari.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport