Approvati regolamenti ġodda dwar it-trasferiment tal-plejers dilettanti wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Malta FA u l-FIFPRO biex jieqfu proċeduri quddiem il-CAS.
Matul il-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA li saret ilbieraħ 26 ta’ Mejju 2025, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ippreżentat numru ta’ emendi fir-regolamenti tat-trasferiment tal-plejers (Section IV – Regulations on the Status and Transfer of Players) li jindirizzaw il-perjodu ta’ reġistrazzjoni mandatorju li plejer mhux professjonali jkollu ma’ klabb u liema emendi jirrelataw ukoll ma’ plejers taħt l-eta’ ta’ 18-il sena.
Dawn ir-regoli prinċiparjament jindirizzaw ir-reġistrazzjoni tal-plejers li ai termini tar-regolamenti tal-Malta FA kienu jipprovdu sabiex registrazzjoni ta’ plejer tal-eta’ ta’ 14-il sena tibqa’ valida sal-eta’ ta’ 18-il sena. Bl-introduzzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda li ġew approvati mill-Bord Eżekuttiv, ir-reġistrazzjoni tal-plejer ser tapplika mill-eta’ ta’ 14-il sena sal-eta’ ta’ 16-il sena u mill-eta’ ta’ 16-il sena sal-eta’ ta’ 18-il sena, kif spjegat aħjar fir-regolamenti emendati.
Dawn l-emendi waslu wara diversi diskussjonijiet fil-kumitat ta’ Djalogu Soċjali fi ħdan l-Malta FA bejn rappreżentanti tal-klabbs membri u l-Malta Football Players Association (MFPA) bl-intervent tal-Malta FA u kif ukoll in segwitu għal ftehim li sar bejn il-FIFPRO u l-Malta FA sabiex jintlaħaq kompromess rigwardanti proċeduri quddiem il-Court of Arbitration for Sport (CAS). Il-proceduri ser jiġu rtirati mill-FIFPRO ġialadarba ntlaħaq dan il-ftehim storiku.
Matul l-istess laqgħa l-Malta FA ppreżentat Formola tar-Reġistrazzjoni tal-plejers mall-klabb għall-istaġun li ġej. Din il-formola ser tiġi ġġenerata mis-sistema tal-COMET (sistema online li titħaddem mill-klabbs membri) sabiex tindirizza abbużi li kienu qed jirriżultaw meta ssir ir-reġistrazzjoni tal-plejers għall-istaġun sussegwenti.
Is-sistema ser tiġġenera data fuq il-formola kif ukoll numru progressiv speċifiku għal kull formola. B’dan il-mod ikun hemm evidenza ta’ meta l-formola ġiet iġġenerata mis-sistema tal-COMET, li ai termini tar-regolamenti tal-Malta FA (Section IV – Regulations on the Status and Transfer of Players) kwalsiasi reġistrazzjoni ta’ plejer mall-istess klabb għandha ssir wara li jispiċċa l-istaġun u mhux qabel.
Il-Malta FA infurmat ukoll li kwalsiasi formoli li setgħu saru qabel l-aħħar tal-istaġun kurrenti mhux ser jiġu aċċettati stante illi dawn ma humiex konformi mar-regola li tistipula li r-reġistrazzjoni tal-plejer mall-istess klabb għandha ssir wara li jispiċċa l-istaġun. Dan kollu jindirizza n-nuqqassijiet li kienu jeżistu fil-proċedura u jagħti lok għal aktar trasparenza u kontabilita’ fil-mod ta’ kif ikunu rreġistrati l-plejers fl-etajiet minuri. L-MFA tibqa’ kommessa li tkompli tirriforma l-proċessi interni tagħha abbażi tad-djalogu flimkien mal-membri tagħha u dana fl-aħjar interess tal-logħba u dawk kollha li jamministrawha u jippratikawha.