It-Taqsima ġdida tal-Pulizija kontra l-Vjolenza Domestika b’medja ta’ ħames rapporti kuljum
Miktub minn CLAUDIO COLEIRO, Filmat: ALAN SALIBA
Fl-ewwel xahar u ftit jiem mit-twaqqif tagħha, it-Taqsima ġdida fil-Korp tal-Pulizija kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Kontra l-Vjolenza Domestika investigat xejn inqas minn 171 rapport ta’ vjolenza domestika, medja ta’ ħames rapporti kuljum.
Kien l-Ispettur Eman Hayman li żvela dan ma’ dan is-sit waqt intervista li saritlu b’rabta mal-ħidma li għamlet din it-Taqsima li bdiet topera fl-1 ta’ Ottubru li għadda.
Ir-raġuni li għaliha twaqqfet din it-Taqsima hi biex ix-xogħol tal-pulizija f’dan il-qasam jaqa’ taħt kappa waħda fejn persuna li tixtieq tagħmel rapport tkun tista’ tagħmel dan faċilment u tingħata l-attenzjoni kollha li tinħtieġ anke bl-għajnuna ta’ social workers.
L-Ispettur Hayman spjega li qabel twaqqfet it-Taqsima, dan ix-xogħol kien jagħmel parti mill-ħidma tad-Distrett u li r-rapporti ta’ vjolenza domestika kienu jsiru fl-istess post fejn kienu jidħlu rapporti oħra ta’ serq u ħsarat fost oħrajn.
Dan ix-xenarju, żied jgħid l-Ispettur Hayman, ma kienx jgħin lill-vittma li tiġi biex tagħmel rapport. Kien għalhekk li nħass il-bżonn li titwaqqaf din it-taqsima ġdida fi ħdan il-Korp, fejn kull rapport li jiġi riferut lilha jitratta proprju l-vjolenza domestika. “Kull rapport li jiddaħħal fis-sistema huwa nnumerat u jaqa’ taħt il-kappa tal-vjolenza domestika,” tenna l-Ispettur Hayman.
Żieda fil-każi ta’ vjolenza domestika fi żmien il-pandemija
Mistoqsi jekk rawx żieda fil-każi f’dan iż-żmien tal-pandemija, huwa wieġeb li “kien hemm żieda fejn in-nies, minkejja li qed ikunu inkoraġġiti jibqgħu d-dar, xorta waħda qegħdin jersqu għandna biex jagħmlu r-rapporti. Waqt li fis-snin ta’ qabel kien ikollna erba’ rapporti kuljum, issa qed naraw ħames rapporti kuljum. Żdidna b’rapport kuljum.”
Intant, l-aktar każi komuni li nisimgħu bihom b’mod regolari jikkonċernaw ġlied bejn koppji. Madanakollu, il-liġi ssemmi wkoll vjolenza bejn qraba oħra li jinkludu ġenituri u tfal fost oħrajn. Staqsejna lill-Ispettur Hayman dwar dan u anke x’tgħid il-liġi f’dan ir-rigward.
Huwa spjega li: “il-liġi tikklassifika persuni li meta wieħed jagħmel xi ħaġa lil ieħor, dak ir-reat jaggrava ruħu fil-kamp tal-vjolenza domestika. Nibdew minn nies miżżewġin imma tista’ tmur ukoll għall-aħwa, missier lit-tfal u t-tfal lill-missier, tasal sal-kuġini nfushom kif ukoll il-kuġini tar-rispett. Il-liġi tinkludi wkoll adulti li jgħixu taħt l-istess saqaf imma ma jidħlux fil-kappa tal-miżżewġin, tal-unjoni ċivili jew koabitanti.”
“Il-każ jaqa’ wara maħfra u l-protezzjoni tispiċċa”
Mill-banda l-oħra, ikun hemm ukoll istanzi fejn każ ikollu jaqa’ minħabba li l-vittma tagħżel li ma tixhidx fil-proċeduri. Mistoqsi dwar dan, l-Ispettur Hayman jgħid li meta jkun hemm maħfra u l-każ jaqa’, l-protezzjoni li jkun hemm meta l-każ ikun għadu attiv, tispiċċa.
“Il-maġġoranza tal-każi jseħħu fid-djar. Jekk tali reat isir barra għandek ċans ta’ xhieda li raw x’ġara. Meta għandek xhud wieħed u ma tixhidx hi, il-każ jaqa’. Jaqa’ l-każ u l-protezzjoni tispiċċa.
“Il-Pulizija għalhekk ma tistax tkun ta’ għajnuna kif suppost meta persuna jagħżel li jaħfer jew li m’għadux interessat fil-każ. Il-Qorti minnha nfisha għandha s-setgħa li tinsisti fuq ix-xhieda. Minn dan l-aspett, il-Qorti rat li dejjem tgħin fin-natura tal-każ,” qal l-Ispettur Hayman.
Huwa kompla jgħid li l-mira tal-pulizija f’każi ta’ vjolenza domestika mhix li titfa’ persuna l-ħabs imma li jieqaf dak iċ-ċirku “fejn ikun hemm sitwazzjoni li ma tistax tieqaf jekk ma tissolviex fit-tul.”
Mistoqsi jekk għandux xi każ partikolari li jibqa’ jiftakru, huwa semmielna każ li allegatament seħħ qabel twaqqfet it-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Vjolenza Domestika.
“Kien hemm persuna li daħal ġo familja. Din il-familja kellha problemi ta’ saħħa mentali. Kien lagħab fuq ċertu superstizzjonijiet li kienu jemmnu bihom huma u kien ħa ċertu kontroll fuqhom. Din il-familja kienet għaddejja minn tbatija kbira u lanqas kienet qed tirrealizza x’kien qed jiġri għax kienet logħba li kienet qed issir fuqhom. Kienet proprju oħt waħda mill-vittmi li ndunat b’dak li kien għaddej u marret għand l-Appoġġ. Imbagħad ġew jagħmlu rapport.”
Fi tmiem l-intervista, l-Ispettur Hayman temm jappella biex dawk li jixtiequ jitkellmu iżda qed jibżgħu jagħmlu dan, għandhom jagħmlu l-kuraġġ u jersqu ‘l quddiem, avolja l-pass li jkunu se jagħmlu jista’ jkun wieħed diffiċli.
“Meta jkun għamel dak il-pass, u meta se jimxi ma’ dawk li huma proċeduri, għandu jkompli jsegwi ħalli proprju jilħaq dik is-soluzzjoni li tkun għat-tul ta’ żmien u mhux waħda temporanja,” temm jgħid l-Ispettur Eman Hayman.
In-numru tat-telefown tat-Taqsima tal-Pulizija Kontra l-Vjolenza Domestika huwa 22942717. F’każ ta’ emerġenza wieħed jista’ jċempel fuq 112.