Missila sparata mill-Ukreni fuq territorju kkontrollat mir-Russi f’Donetsk hija stmata li qatlet tal-inqas 63 suldat tal-armata Russa. Dan iddikjarah il-Ministeru tad-Difiża Russa. Il-Ministeru ħabbar ukoll li dan l-attakk huwa wieħed mill-ikbar telfiet li sofriet l-armata Russa minn meta bdiet il-gwerra Russo-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda.
F’filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali, wieħed jista’ jara b’għajnejh il-qerda kkawżata mill-isplużjoni li seħħet fil-belt ta’ Makiivka, f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena. Fosthom, wieħed jista’ jinnota t-trasformazzjoni ta’ bini, li xi darba kien kulleġġ vokazzjonali, fi rmiet.
Daniil Bezsonov, Uffiċjal Russu fir-reġjun ta’ Donetsk, spjega li l-bini ntlaqat minn splużjoni qawwija minn rokits maħduma mill-Amerikani. Għalkemm qed jingħad li f’dan l-attakk inqatlu iktar minn 100 persuna, s’issa n-numru ta’ vittmi u dawk midruba għadu mhux magħruf, sostna Bezsonov.