Thursday, March 28, 2024

ARA: 64 sena jerfa’ l-istandardi tal-baned … Minn ma’ Borg Olivier għal ma’ Mintoff (1)

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn VICTOR VELLA, Filmat: ALAN SALIBA

YouTube video

Jiġbdek mill-bogħod. Tolqtok mill-ewwel it-tbissima tiegħu. Fuq kollox karattru partikolari għall-aħħar, dħuli u ċajtier. Tbissima li tfiġġ fuq wiċċu mhux għax xi ħadd qallu xi ċajta. Tbissima li tarah biha meta jkun qalb il-bandisti, iżomm l-istandard ta’ dik il-banda u jisma’ id-daqqa tal-melodiji fil-marċi Maltin. Kull min hu dilettant tal-festi Maltin jew spiss imur f’xi festa f’xi raħal jew belt, żgur li xi darba jew oħra ra lil Ġan Patist quddiem xi banda bl-istandard. Ħajjet Ġan Patist, hi karatterizzata mis-sehem tiegħu fil-baned jerfa’ l-istandardi. Servizz li għamlu għal 64 sena sħaħ. 

Fl-aħħar jiem, Inewsmalta marret fir-residenza ta’ Ġan Patist fil-Buskett. Laqgħana mill-ewwel u kif dħalna ħares lejn il-fotografu u qalli “lil dan nafu. Idoqq il-baxx ma’ ta’ Birkirkara. Poġġu hawn. Lestejt ħafna ritratti, anki ta’ meta kont fl-armata. X’se nġibilkom naqra irqiq?”, qalilna Ġan Patist, fejn minn hemm ‘l quddiem fetħilha fuq dak li għadda minnu matul ħajtu. 

“Jien Mellieħi” 

“Ġann jien niftakrek sew sa ftit snin ilu iġġorr l-iljun mal-Imperial il-Mellieħa. X’inhi r-rabta mal-Mellieħa?” Idur fuqi u jgħidli “jien Mellieħi. Veru noqgħod hawn il-Buskett u kont involut f’Ħad-Dingli imma jien Mellieħi. Jien twelidt il-Mellieħa fis-sena 1944. Fuq il-gwerra jien ma niftakar xejn. Li naf żgur hu li meta kelli sentejn kien rifisni trakk minn dawk tal-militar. Ma niftakar xejn aktar imma. Kont immur l-iskola tas-sorijiet u din kienet fejn illum hemm il-lukanda Maritim. Fil-Mellieħa kellna anke it-Talkies u kienu jżommulna tliet soldi biex naraw film. Konna nmorru s-santwarju u hemmhekk kienu juruna l-films. Anki id-duttrina kienet fis-santwarju, eżattament f’dawk il-kmamar li hemm”. 

“Il-banda dejjem kienet tiġbidni… ħriġt indoqq mal-La Vittoria u mbagħad mort ma tal-Iljun

“Il-banda u l-mużika minn dejjem kienu jiġbduni. Dak iż-żmien ta’ tfal li konna ma kellniex l-affarijiet li għandhom lllum. Ma kellna xejn. Bdejt immur il-każin tal-La Vittoria u bdejt nitgħallem il-mużika. Ħriġt indoqq mal-Banda La Vittoria bil-klarinett. Maż-żmien irrukkajna. Kelli kwistjoni. Is-surmast kien waqqafni waqt kunċert u qalli din trid tagħmilha hekk “ta ta”. Jien għedtlu hekk ħa nagħmel “ta ta” u tlaqt.” 

Jgħidilna li “minn mal-La Vittoria mort ma’ tal-Iljun. Qatt ma kelli problemi magħhom. Dejjem ħassejtni komdu magħhom. Illum parti minni l-Imperial Band. Hawn ħafna jafuni bħala Ġann Patist tal-Iljun. 

Kif spiċċajt mill-iskola … bdejt naħdem fil-ġebel u wara kunduttur” 

“Mort skola tal-gvern. Wasalt sa standard 4 u fl- 1955 mort in-Nautical College School. Spiċċajt fil-1959. Spiċċajt naħdem fil-ġebel. Ma domtx ħafna għax fl-1961 kont kunduttur fuq il-karozzi tal-linja. Forsi għamilt sitt xhur. Dak kien hemm wieħed jaħdem kunduttur u kien jgħidli għandek x’tagħmel. Kif ngħidlu le jgħidli mela ejja għamel ġurnata magħna”.

Rajt il-Banda tal-RMA ddoqq u ħajruni nidħol suldat

“Kont bdejt naħdem fil-madum. Wara l-1962 kienet ġiet il-Banda tal-RMA iddoqq. Kien hemm ċertu wieħed Tony Chircop u dan kien jafni. Kien hu li ħajjarni biex nidħol suldat. Tħajjart. Għamilt l-eżami u ġejt ir-raba’ wieħed. Ġara li konna tnejn bl-istess isem u biex ma jitfixklux kelli nagħmel nee Spiteri. Kelli 18 il-sena meta dħalt fl-armata.” 

“Fl-armata, fil-bidu, jien kont nieħu ħsieb il-fizzjal u nagħmel l-għases. Fl-ewwel sitt xhur, bħala rekluti konna fil-Fort Sant Iermu u mbagħad it-tliet xhur ta’ wara kont inkun fl-għassa. Wara imbagħad mort il-Ġermanja fejn servejna hemm. L-ewwel morna Dortmund Appledeck u wara Moornheim Rurh. Fil-Ġermanja xogħli kien li ngħaddilhom il-ħwejjeġ. Fil-Ġermanja servejt ukoll bħala xufier. Il-fizzjal tagħna kien Malti. Kont innaddafflu l-libsa u nara xi jkun hemm bżonn”. Suldat fl-RMA domt sas-sena 1972. 

Iltqajt mal-mara Pawla… kellhom għorfa u bdejt nirranġa ġo fiha” 

“Meta ġejt mill-Ġermanja, li kien fis-sena 1966, mort il-Buskett għax kelli kelli ħabiba. Kont iltqajna għax konna Pen Friends. Kont niġi kuljum hawn il-Buskett. Wara xi xahar niġi hawn, omm il-ħabiba, qaltli li m’hawnx dawl u lanqas ilma. Jien għedtilha issa narah sew. Mort sibt xi nies u għedtilhom b’din il-problema imma ħadd ma ried jgħin.” Jirrakkonta kif lil din il-ħabiba li jisimha Pawla, iżżewwiġha f’Ġunju tal-1967 u kellhom tifel wieħed, David. Pawla ġiet nieqsa ftit taż-żmien ilu. Ġann Patist jirrakkontalna kif fejn għandu r-residenza llum kien kollu għelieqi għajr għorfa. Jispjegalna kif beda jirranġa din l-għorfa u wara għamel xi estensjonijiet. 

Il-konnessjoni mal-Partit Laburista?… Jien kont u bqajt ma’ Borg Olivier 

Lil Ġann Patist, mhux biss tarah mal-baned fil-festi Maltin u Għawdxin imma issibu wkoll fl-attivitajiet tal-massa li jorganizza l-Partit Laburista. L-istess bħal festi, f’dawn l-attivitajiet issibu mal-Banda tal-PL bl-istandard. 

Staqsejtu dwar il-konnessjoni tiegħu mal-Partit Laburista. Jgħidilna li “peress li jien mill-Mellieħa, hemmhekk kien hemm ħafna li kienu jappoġġjaw lil Gorg Borg Olivier. Kien hemm Mintoffjani u anke Boffisti. Jien kont ma’ George. Tgħidlix Nazzjonalist. Jien kont nappoġġja lil George. L-istess kif il-Mintoffjani, kienu ta’ Mintoff. 

Jien kont dejjem niġri

Wara Gorg. Anke meta beda jsib il-problemi bħal meta inqala’ l-inkwiet Raħal il-Ġdid, jien dejjem bqajt warajh. Jien imbagħad qlibt il-folja meta rajt x’kienu għamlu lil George Borg Olivier. Minn hemm jien qlibt għal mal-Partit Laburista. Kien hemm nies oħra ta’ George li qalbu mal-Partit Laburista. 

Jgħidilna li “lil George ma nistax immaqdru. Dak kien raġel anke mal-Laburisti u mal-Mintoffjani. Niftakar meta niżlu l-Belt u kellhom xi affarijiet il-Laburisti, Mintoff stess kien għamel għalihom u waqqafhom”. 

JISSOKTA…

Ekonomija

Sport