Aktar kmieni wara nofsinhar id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie msejjaħ biex jitfi nirien qawwija li kienu ħakmu kumpless tal-Attrans fi Triq l-Imdina Ħal Qormi.
Numru ta’ pumpiera minn Kordin, Pembroke, Ħal Far, Xemxija u Ħad-Dingli ntbagħtu minnufih fil-post.
L-operazzjoni ħadet numru ta’ sigħat u kienet tinvolvi ħames uffiċjali u mat-30 pumpier. B’kollox intużaw aktar minn 250,000 litru ta’ ilma u 3,000 litru ta’ foam.
Minbarra vetturi tat-tifi tan-nar kien hemm vetturi oħra li jitrasportaw l-ilma li assistew f’din l-operazzjoni.









Qabel: Inewsmalta tinsab infurmata li ftit tal-minuti ilu daħna sewda kbira ksiet is-smewwiet fi Triq l-Imdina bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.
Kelliem għal Pulizija kkonferma magħna li fil-post hemm pumpiera li ssejħu minnufih biex jikkontrollaw in-nirien. Jidher li n-nirien żviluppaw minn bitħa tal-kumpless tal-Attrans fejn hemm maħżunin diversi affarijiet fosthom dgħajjes, kontejners u tajers.
Minkejja li m’għad hemm l-ebda konferma jidher li fortunatament ma kienx hemm persuni meta tkebbsu n-nirien. Kelliem għall-pulizija li tkellem ma’ dan is-sit qalilna li l-possibbilità li kien hemm xi persuni li ndarbu hija verament minima.












