Anzjan ta’ 77 sena mill-Gżira għadu kemm tilef ħajtu ftit tal-minuti ilu wara li waqgħet karozza fuqu għall-ħabta tal-12.15 p.m., f’garaxx fi Triq Raymond Caruana l-Gudja.
Minn informazzjoni li ngħata Talk.mt jidher li r-raġel kien qiegħed jirranġa xi ħaġa fil-qiegħ tal-karozza tiegħu meta għal xi raġuni l-karozza waqgħet fuqu u nqabad taħtha. Sfortunatament huwa miet fuq il-post.
Fuq il-post tal-inċident kien hemm preżenti tim mediku kif ukoll membri tal-Protezzoni Ċivili sabiex jassistuh.
Il-Pulizja tad-distrett flimkien ma’ uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit assistew biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni fil-madwar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr Kevon Azzopardi ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.