Dan is-sit jinsab infurmat li anzjan kellu jiddaħħal l-Isptar wara li iktar kmieni llum, għall-ħabta tal-10:40 a.m. waqa’ waqt li kien fuq il-bejt tad-dar tiegħu fi Triq ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar.
Mill-ewwel informazzjoni li ngħata dan is-sit jidher li l-anzjan għal xi raġuni tfixkel f’saqajh stess u tilef il-bilanċ waqt li kien jinsab fuq il-bejt. Minħabba li t-taraġ li jagħti għal fuq il-bejt kien dejjaq, dan il-fattur għamilha diffiċli għat-tim mediku sabiex jitilgħu fuq il-bejt u joħorġuh minn hemm. Kien għal din ir-raġuni li ntalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lill-anzjan permezz tas-sellum tagħhom.
Immedjatament huwa ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza li ssejħet fil-post, sabiex jingħata iktar attenzjoni medika. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.