Min-naħa tagħha, l-MEP Josianne Cutajar qalet li l-arrest ta’ Kaili bla dubju se jitfa’ dell ikrah fuq l-aktar istituzzjoni demokratika tal-UE. Qalet li l-każ għadu fil-bidu u rridu nistennew li l-investigazzjonijiet jieħdu l-kors tagħhom.
“Huwa ċar li bħala parlamentari rridu nżommu l-ogħla standards etiċi u naħdmu biex neliminaw kull forma ta’ abbuż tal-poter. Filwaqt li nistennew li l-awtoritajiet u l-Qrati jagħmlu xogħolhom biex issir ġustizzja fejn hemm bżonn, bħala PE rridu naraw kif nindirizzaw sitwazzjonijiet bħal dawn. Waħda mill-mizuri kien il-vot favur terminazzjoni tal-mpe minn viċi president,” tenniet Dr Cutajar.
Il-każ ta’ Kaili…
It-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jtemm il-mandat tal-Viċi President Eva Kaili. Dan wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Griega flimkien ma’ tliet suspettati oħra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew akkużata b’korruzzjoni wara sejba ta’ madwar €1.5 miljun fi flus kontanti fil-pussess tagħhom. Dan l-iskandlu heżżeż il-blokk Ewropew b’sitwazzjoni deskritta tal-mistħija bil-President tal-PE Roberta Metsola tqis dawn il-ġranet bħala żmien diffiċli għad-demokrazija Ewropea.