Aktar kmieni llum BirdLife Malta ppreżentat rikors fil-Qorti biex ikun stabbilit li t-trasferiment tar-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar u l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) taħt il-Ministeru għal Għawdex imur kontra l-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Ir-rikors li tressaq dalgħodu jsegwi l-protest ġudizzjarju dwar l-istess kwisjtoni li tressaq f’Jannar li għadda, u l-kwerela tal-ġimgħa li għaddiet.
Din l-azzjoni fil-Qorti min-naħa ta’ BirdLife Malta tikkontesta wkoll il-fatt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħareġ l-liċenzji tal-kaċċa fir-rebbiegħa mingħajr ma kellu s-saħħa legali li jagħmel dan. Dan hekk kif BirdLife qed jinsistu li huwa biss il-Ministru għall-Ambjent li jista’ jamministra l-liġijiet ambjentali u kulma joħroġ minnhom, inkluż id-WBRU.
Intant f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti wara li ġie ppreżentat ir-rikors, uffiċjali ta’ BirdLife Malta spjegaw kif dan kollu qed jiġri fl-agħar staġun tal-kaċċa li qatt kien reġistrat.
L-uffiċjali qalu li matul dan l-istaġun kien hemm rekord ta’ tajr protet li ġie kkaċċjat illegalment, b’eluf ta’ gamiem vulnerabbli u protett ukoll jispiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali.
BirdLife qalet li f’20 ġurnata ta’ kaċċa nġabru 44 għasfur protett ferut jew maqtul, liema ammont huwa aktar mit-tripplu tas-sena li għaddiet meta kienu nġabru 12. Fl-2018 u fl-2017 matul l-istess perjodu kienu nġarbu 18 u 15 rispettivament.
L-uffiċċjali ta’ BirdLife qalu li huwa aktar inkwetanti l-fatt li 16 mill-għasafar li nqabdu illegalment matul dan l-istaġun tal-kaċċa kienu gamiem li setgħu ġew salvati kieku l-Gvern ma fetaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa matul il-qofol tal-passa ta’ din l-ispeċi.
Il-bqija tat-tajr protett miġbur kien ivarja minn għasafar tal-priża ta’ diversi speċi bħall-ispanjulett, il-bagħdan aħmar, il-kuċċarda u l-astun iswed, għal speċi oħrajn bħad-daqquqa tat-toppu, il-qerd in-naħal, il-gawwija prima, il-gamiema tal-kullar, l-agret abjad, ir-russett griż,ir-rundun, it-tajra safra, il-buqrajq, it-tellerita u anke ħamiema.
Dawn l-għasafar kienu lkoll iċċertifikati mill-veterinarju tal-Gvern bħala vitmi tal-kaċċa illegali, bl-ammont ta’ għasafar protetti miġbura din is-sena s’issa jammonta għal 66.