Tuesday, December 24, 2024

ARA: Budget Soċjalment Kuraġġuż

Aqra wkoll

Budget li jilqa’ ‘l fuq minn 18-il proposta tal-GWU

YouTube video

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-budget 2022, hekk kif tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament, il-General Workers Union tqis dan il-budget bħala wieħed soċjalment kuraġġjuż li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta’ budgets imgħoddija. Il-GWU hija wkoll ferm sodisfatta li l-Gvern f’dan il-budget inkluda ‘l fuq minn 18-il proposta li ressqitlu li lkoll huma intenzjonati li jtejjbu bis-sħiħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies partikularment tal-ħaddiema.

Fost il-proposti tal-GWU li ġew milqugħa hemm dik li mis-sena d-dieħla se jiddaħħal il-prinċipju li l-ħaddiema tal-kuntrattur jibdew jitħallsu doppju tal-Ħdud li jaħdmu. Proposta oħra li l-GWU enfasizzat u li ddaħħlet f’dan il-budget hi li t-taxxa fuq is-sahra se tinżel għal 15% għal dawk li jaqilgħu sa massimu ta’ €10,000. 

Ma’ dawn hemm ukoll li taxxa fuq ix-xogol part-time se tinżel minn 15% għal 10% kif ukoll li l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri tac-child care se jkunu estiżi għal benefiċċju ta’ min jaħdem wara l-ħinijiet normali tax-xogħol. Dawn il-miżura se jkomplu jinċentivaw x-xogħol u dħul aktar għall-ħaddiema.

Ta’ sodisfazzjon ukoll hu li l-pensjoni kontributorja u dik mhux kontributorja se tiżdied li tfisser żieda lill-pensjonanti kollha. Dan apparti li dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar il-pensjoni tagħhom se tkun distinta minn kull dħul ieħor u eskluża minn kull ħlas ta’ taxxa.

Il-GWU tesprimi l-kuntentizza tagħha wkoll illi Gvern se jindirizza l-problema tat-trasport tal-massa u fost miżuri oħra, f’dan il-kuntest ta prijorita lill-ambjent. Dan billi t-trasport pubbliku mis-sena d-dieħla se jkun b’xejn għal kulħadd, miżura li biha mistenni li jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u b’hekk jitnaqqas ukoll it-tniġġiż tal-arja. Dan apparti li jiżdiedu li spazji miftuħa u li tingħata spinta lill-afforestazzjoni f’pajjiżna.

Dan il-budget jaħseb ukoll biex is-sena d-dieħla jsir ċensiment tal-ħiliet li permezz tiegħu jkun magħruf fejn hemm defiċjenzi u sproporzjon fil-ħiliet tal-ħaddiema. Il-GWU temmen li wara dan iċ-ċensiment u l-analiżi li ssir, il-pajjiż ikun f’qagħda aħjar li jorjenta l-edukazzjoni vokazzjonali lejn fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet.

Il-GWU tqis dan il-budget bħala li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies billi se jwieżen lil dawk li l-inqas li jifilħu, se jpoġġi l-ambjent fuq quddiem tal-prijoritajiet u se jkompli jinċentiva lil min hu bieżel.

Il-GWU hija kunfidenti illi minkejja li pajjiżna għadu jinsab f’pandemija li niżżlet għarkubtejhom bosta pajjiżi sinjuri madwar id-dinja u minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli internazzjonali, dan il-budget kompla bħal ta’ qabel billi ma żied ebda piżijiet ġodda fuq il-poplu imma kompla jinċentiva x-xogħol u jwieżen lil min jiflaħ l-inqas.

Il-GWU temmen ukoll li dan il-budget wera li l-ħidma kollettiva, gvern u msieħba soċjali, wasslet biex l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet reżiljenti u kapaċi ssostni l-mobilità soċjali b’impjiegi dinjitużi u ta’ kwalità. Dan fl-istess waqt li tenfasizza li n-narrattiva f’pajjiżna għandha tkun fuq karrieri u mhux aktar fuq impjiegi biss

Fuq kollox il-GWU tilqa’ dan il-budget bħala wieħed li jħares b’mod ħolistiku  ta’ kif itejjeb aktar il-kwalita’ tal-ħajja tas-soċjeta Maltija.

Ekonomija

Sport