Sunday, December 22, 2024

ARA: “Bżonn ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex fill-Catering nattiraw l-aħjar talent”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Diskussa l-viżjoni għas-settur tal-Catering f’pajjiżna

Waqt konferenza bejn il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering Maltija (ACE) u l-imsieħba soċjali fost persuni oħra li pparteċipaw ġiet diskussa l-viżjoni ’l quddiem biex dan is-settur jindirizza l-isfidi li għandu quddiemu.

YouTube video

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li biex nattiraw l-aħjar talent, irid ikun hemm stabbilità fl-impjieg b’kuntratti definiti u li jkun hemm titjib fil-pagi. Bugeja qal li jekk dan is-settur irid jattira l-aħjar talent biex ikun jista’ jingħata l-aħjar servizz jeħtieġ li jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħaddiema. Huwa żied jgħid li jkun għalxejn li nibqgħu niffukaw fuq il-bżonn ta’ ħaddiema barranin għax il-ħaddiema mhumiex jiġu attirati għax għandek setturi oħra li dan is-settur qiegħed jikkompeti magħhom, li qegħdin joffru kundizzjonijiet tax-xogħol ħafna aħjar.

Waqt din id-diskussjoni ntqal li dan is-settur ilu numru ta’ snin jaffaċċja tali sfidi, liema sfidi komplew jiżdiedu kawża tal-pandemija fejn fl-aħħar xhur skont l-istess Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbiliemnti tal-Catering Matthew Pace “saret xi ħaġa tal-biża’ biex timpjega”. Fost sfidi oħra li qegħdin jikkawżaw din il-problema Pace tkellem dwar burokrazija żejda meta persuni minn barra jiġu biex jaħdmu f’dan is-settur meta d-domanda hi li hi. Huwa qal li dan is-settur għandu bżonn dawn in-nies u għalhekk Kok li jiġi biex jaħdem minn barra, b’esperjenza u lest biex jidħol fid-dinja tax-xogħol qiegħed jiġi mċaħħad fost l-oħrajn minħabba ċertifikat tal-vaċċin ta’ pajjiż li għadu mhuwiex rikonoxxut jew kwarantina mandatorja f’lukanda li għat-turisti qiegħda tirreklama bi prezzijiet ferm anqas.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li jeħtieġ li nibdew mill-fatt li naċċettaw li s-sitwazzjoni hija waħda kritika. Huwa rrefera għal statistika li turi li fl-2019 il-pagi f’dan is-settur kienu madwar 72 fil-mija tal-paga medja. Huwa fakkar li għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, matul il-pandemija, pajjiżna rreġistra żieda fin-nies li jaħdmu. Rigward ir-riżorsa tal-ħaddiema barranin, Caruana spjega li bejn 22,000 u 24,000 ħaddiem fis-sena qegħdin jiġu biex jaħdmu f’pajjiżna, iżda għax il-mudell mhuwiex jaħdem, madwar 18,000 minnhom qegħdin jagħżlu li ma jibqgħux. Huwa sostna li huwa tajjeb li nitkellmu dwar titjib fil-ħiliet, iżda biex dan il-mudell jibda jagħti l-frott waħda mis-soluzzjonijiet hija titjib fil-pagi.

Il-Ministru Għat-Turiżmu Clayton Bartolo tkellem dwar l-investiment fl-ITS u l-fatt li dawk li jiggradwaw minnha jkunu kapaċi jagħtu servizz. Sostna li llum għandek żgħażagħ li mhux qegħdin jaraw is-sodisfazzjon wara s-sagrifiċċju tal-ħidma f’dan is-settur u mhux jagħżlu li jaħdmu f’ċertu sigħat li jirrikjedi l-bżonn tagħhom tali settur. Żied jgħid li bħala ITS għaddejja ħidma mifruxa fuq ħames snin li l-għan tagħha huwa li tattira studenti barranin bil-mira li pajjiżna jkompli jtejjeb il-livell tar-ristoranti u l-lukandi fost l-oħrajn.

YouTube video

Għalaq id-diskussjoni l-Kap Eżekuttiv tal-ACE Omar Vella li qal li din id-diskussjoni kienet waħda importanti ħafna għax ġab flimkien lill-imsieħba soċjali, lill-gvern u lill-operaturi. Huwa qal li din l-industrija għandha rwol importanti ħafna fl-istrateġija tal-gvern għall-għaxar snin li ġejjin. Żied jgħid li dan is-settur għandu funzjoni fundamentali fil-qasam Turistiku, iżda qiegħed isib problema fejn tidħol ir-riżorsa umana. Għaldaqstant diskussjonijiet simili huma bżonnjużi biex jitwassal il-messaġġ u jinstab kompromess bejn il-partijiet kollha involuti biex dan is-settur ikompli miexi ’l quddiem.

Ekonomija

Sport