Tingħata l-aħħar tislima lit-tfajjel Miguel li tilef il-battalja kontra l-marda tal-kanċer
Minn ANTHEA CACHIA

Illum ngħatat l-aħħar tislima lit-tfajjel Miguel Damato wara li fl-aħħar jiem tilef il-battalja kontra tumur rari. Miguel, li kellu disa’ snin, kien maħbub minn bosta, u mfaħħar għat-tbissima u l-karattru ferrieħi li kellu. Fost il-folla ta’ nies li marru jsellmu l-memorja ta’ Miguel kien hemm preżenti sħabu libsin il-kit ta’ Birkirkara, it-tim li tant kien għal qalbu u li kien jifforma parti minnu.
Il-kappillan li kkonċelebra l-quddiesa ta’ dan l-anġlu saħaq li kellu jħallina proprju f’jum Santa Clara, li bħalu hija wkoll kellha żmien ta’ tbatija minħabba marda li kellha.

Madankollu huwa żied jgħid li bħal Santa Clara, Miguel wera kuraġġ kbir u rnexxielu jgħix l-aħħar mumenti tiegħu bl-aħjar mod li seta’, bi tbissima fuq fommu, minkejja ċ-ċirkustanzi. Żied jgħid li minkejja li tlifna din il-“warda” żgħira, xorta jibqa’ mfakkar li allavolja kulma kellu disa’ snin, huwa kien tifel li f’qalbu kellu aktar minn hekk.
iNews jixtieq jesprimi s-sogħba tiegħu għat-telfa li ġarrbet din il-familja.





