Sunday, December 22, 2024

ARA: Determinata li tiġri 50km … mhux b’kompetizzjoni iżda bi mħabba

Jeanette Zammit b’ġest nobbli għan-neputija u familtha

Aqra wkoll

Fil-ħajja, minkejja li xi drabi nippruvaw nippjanaw mill-bidu sat-tmiem, mhux dejjem jirnexxilna nwettqu dak kollu li nixtiequ, jew tal-inqas, mhux dejjem jirnexxilna nwettqu l-affarijiet bil-mod preċiż li nkunu pjanajniehom. Kien dan li ġara lil Jeanette Zammit, omm ta’ żewġt itfal u nanna, li għal għeluq il-50 sena tagħha xtaqet tagħmel ġirja biex tgħin lil waħda mill-għaqdiet karitattivi. Ix-xewqa tagħha kellha tgħaddi minn daqsxejn tibdil hekk kif issa tinsab kostretta li l-ġirja ta’ 50km tagħmilha biex tgħin lin-neputija tagħha — żagħżugħa ta’ 15-il sena li bħalissa tinsab l-isptar għall-kura f’Londra.

YouTube video

It-tħejjijiet għall-ġirja tal-50km

Il-ġirja se ssir il-Ħadd, 29 ta’ Jannar li ġej, fit-8:30 a.m. u se ddum bejn sitt sigħat u sitt sigħat u nofs; jiġifieri tiġi fi tmiemha għall-ħabta tat-3:30 p.m. Dan minħabba li waqt it-taħriġ hija kkalkulat li se tieħu seba’ minuti għal kull kilometru li se tiġri, u żżid tgħid li għalkemm f’xi mumenti jista’ jagħti l-każ li ddum iżjed mill-ħin mistenni, “Għalija din mhix kompetizzjoni … fil-verità l-iktar ħaġa importanti hi li jirnexxili nagħmel il-ġirja kollha”.

YouTube video

Meta ġiet għat-tfassil tar-rotta, Jeanette organizzatha b’tali mod li tibda u tispiċċa qrib il-Knisja ta’ Wied il-Għajn — l-istess lokalità fejn tgħix hi. Il-ġirja hija mifruxa fuq għaxar partijiet ta’ ħames kilometri l-waħda. L-ewwel ħames kilometri se jintemmu f’Ras il-Ħuta; it-tieni parti se tibda minn Ras il-Ħuta u tkomplu minn wara l-Jerma. Sfortunatament Jeannette ma setgħetx telabora iktar dwar l-inħawi li se tkun qed tinkludi fir-rotta tal-ġirja minħabba li jekk ikun hemm ammont konsiderevoli ta’ nies li jiddeċiedu illi jakkumpanjawha jkun jeħtieġ li tkun attività organizzatha, fis-sens li tirrikjedi s-servizzi ta’ forzi tal-ordni.

YouTube video

Hija kompliet tgħid li wħud mill-kollegi tagħha li jaħdmu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkunu ta’ sostenn għaliha matul il-ġirja. Għalkemm ħadt minnhom qatt ma wasal biex jagħmel ġirja ta’ 50km, hemm uħud li huma mħajrin li jagħmlu l-ġirja sħiħa, filwaqt li bosta minnhom offrew li jiġru parti mill-ġirja magħha fejn huma mistennija li jingħaqdu magħha f’mumenti differenti; min se jakkumpanjaha fl-ewwel parti, min fit-tieni taqsima. “L-aktar li jkun hemm bżonn hu sapport f’dawn il-lokalitajiet fejn inti qed tara gruppi ta’ nies jagħtuk is-sapport biex tkompli”. Uħud mill-familjari ta’ Ena Marie, speċjalment dawk min-naħa ta’ missierha, se jkunu qed jgħinu fi wħud miż-żoni fejn ħa jkun hemm tqassim ta’ xi ikel u xorb ħafif.

Jekk imur kollox kif pjanat, sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla Jeanette għandha jkollha ammont ta’ t-shirts u brieret li se jintużaw waqt l-attività u se jkun hemm minnhom għall-bejgħ bil-għan li jkomplu jinġabru xi fondi oħra. Għaldaqstant, kull min jixtieq jikseb xi wieħed minn dawn it-shirts jew brieret, jista’ jagħmel dan billi jagħti donazzjoni żgħira b’risq il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li tnediet għal Ena Marie.

Jeanette tispjega li n-neputija tagħha kellha involviment fil-preparamenti tal-ġirja, fejn tat il-kontribut tagħha fl-iddiżinjar tat-t-shirts u l-brieret. Kompliet tfisser li t-shirts huma magħmulin b’ċertu ħsieb hekk kif jinkludu xi kwotazzjonijiet bit-tema tal-kuntentizza, kwotazzjonijiet li huma magħżula minn Ena u li huma tant għal qalb din iż-żagħżugħa. Intant, iz-zija t’Ena kompliet tiddeskrivi lin-neputija tagħha bħala persuna b’karattru pożittiv immens. Hija tgħid li l-għan t’Ena huwa li permezz ta’ dawn il-messaġġi pprintjati fuq il-flokk tagħti kuraġġ lil min bħalissa għaddej minn xi mument diffiċli kif ukoll tittrażmetti sens ta’ pożittività. Waħda miż-żewġ kwotazzjonijiet hija meħuda minn kantanta magħrufa bħala ‘Nightbird’ — persuna li sfortunatament kellha taffaċċja l-marda tal-kanċer u li mietet fi Frar tas-sena l-oħra, tgħid Jeanette, filwaqt li l-oħra hija kwotazzjoni meħuda minn Harry Potter.

Tispjega wkoll li n-neputija tagħha qaltilha illi bis-saħħa ta’ din il-kampanja, Ena qed jirnexxilha żżomm moħħha okkupat b’dawn l-affarijiet minflok ma toqgħod taħseb kontinwament dwar dak kollu li baqgħalha taffaċċja l-Ingilterra. Iz-zija t’Ena spjegat ma’ talk.mt li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, wara li tkun irkuprat minn intervent li sarilha, Ena mistennija tibda tirċievi t-trattament tar-radjoterapija.

L-importanza tal-aspett fiżiku u mentali waqt attività fiżika

Jeanette hija persuna li tħobb l-attività fiżika, tant li spjegat illi anki fuq il-post tax-xogħol għandhom l-MIA Atlethics Team fejn hi u sħabha jiġru xi ġirjiet flimkien. Hija ilha għaddejja bit-taħriġ neċessarju għall-ġirja tal-50km minn Settembru li għadda, li jikkonsisti f’ġiri fit-tul u eżerċizzji oħra biex issaħħaħ il-muskoli b’mod speċjali l-muskoli tas-saqajn. Jeanette, waqt l-intervista li saritilha minn dan is-sit, elenkat l-importanza li meta persuna tkun se tagħmel attività ta’ dan it-tip, għandha tipprepara ruħha mentalment ukoll, u mhux fiżikament biss: “Meta jkollok ġirja fit-tul bħalma hija din tal-50km, apparti t-taħriġ fiżiku jeħtieġ li tkun preparata wkoll mentalment għaliex ħafna drabi wara ċertu kilometri, anki meta tagħmel maratona, tibda tħossok qisek m’għandekx enerġija biżżejjed biex ittemm il-ġirja”; anka l-kuraġġ biex tkompli l-ġirja, donnu jibda jbatti, tispjega Jeanette — persuna li qed titkellem dwar dan minn esperjenzi personali li ġarrbet f’ġirjiet oħra, kemm lokali kif ukoll f’pajjiżi barra minn xtutna. “Mentalment trid issostni lilek innifsek dwar ir-raġuni għalfejn qed tagħmilha; f’dal-każ jien għandi r-raġuni tan-neputija li nżommha f’moħħi l-ħin kollu,” tistqarr emozzjonata.

Jeanette fissret illi s-sitwazzjoni li qiegħda fiha Ena sfortunatament mhix waħda pjaċevoli. “Hija għandha wġigħ f’saqajha minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha, u meta nibda niġri u nħoss ftit uġigħ nibda ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Min jaf hi miskina’… Ena qiegħda fis-sodda — hija kienet għamlet ħafna żmien fis-sodda sentejn ilu minħabba kundizzjoni oħra — u nżommha f’moħħi għaliex jien meta bdejt il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ma stennejtx dan ir-rispons qawwi”.

Hija żvelat ma’ dan is-sit li sfortunatament ftit tal-jiem ilu rċeviet riżultat mediku fejn ġiet mgħarrfa li tbaxxielha l-livell tal-ħadid f’ġisimha. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tibqa’ għaddejja bil-pjan tagħha li twettaq il-ġirja, il-ġimgħa d-dieħla se jkollha tidħol l-isptar biex tkun tista’ tingħata t-trattament meħtieġ.

Il-kampanija ta’ ġbir ta’ fondi … 

Jeanette qaltilna li s’issa nġabru madwar €40,000 permezz tal-GoGetFunding — kampanija ta’ ġbir ta’ fondi li nediet hija stess biex tkun tista’ tgħin lin-neputija tagħha Ena u lill-familjari. Barra minn hekk ingħataw donazzjonijiet oħra privatament lil Jeanne kif ukoll lill-familjari ta’ Ena permezz tar-Revolut. 

YouTube video

Jeanette tistqarr li t-tir tagħha meta waqqfet din il-kampanja kien li forsi jinġabru madwar €5,000: “Għedt imqar jirnexxili niġbor xi ħaġa żgħira kemm ngħinhom jgħaddu dal-ewwel xahar … Sa dak iż-żmien ħarġu r-riżultati fuq it-testijiet li għamlu lil Ena; Ena għandha bżonn mill-inqas bejn sitta u disa’ xhur l-Ingilterra, u hi flimkien mal-familja tagħha jeħtieġu li jikru appartament qrib l-isptar fejn tkun qed tieħu t-trattament”. Ena għall-bidu kienet il-Great Ormond Street Hospital fejn iktar tard intbagħtet il-UCLH f’Londra — l-isptar li tinsab fih bħalissa.

YouTube video

Interessanti l-fatt li minkejja illi Ena għaddejja minn dan kollu, zijitha tgħid li n-neputija “Esprimiet ix-xewqa li tgħin lil ħaddieħor, fosthom lill-fondazzjoni tal-Brain Cancer Tumour Research” u lil xi għaqdiet oħra li jkunu fil-bżonn, diment li l-fondi miġbura jagħtu lok għal dan. 

“Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira qed tagħmel differenza … Ena qed tapprezza immens u qed taqra kull messaġġ … tgħidli ‘Kemm hawn nies qed jitolbu għalija’ għax kulħadd jawguralha fejqan ta’ malajr u jgħidulha li qed jiftakru fiha fit-talb tagħhom. “Ena hija ferħana u qed issegwi l-andament kollu ta’ din il-kampanja,” issostni Jeanette. 

YouTube video

Jeanette tinsab grata għal din il-ġenerożità li ngħatat mill-poplu Malti u għall-messaġġi li rċeviet, speċjalment dawk ta’ talb: “It-talb huwa l-iktar ħaġa importanti, iktar mill-fondi nnifishom. Nemmen ħafna fit-talb. Fit-talb nitolbu għall-fejqan imma anki naħsbu f’xulxin, jiġifieri f’mumenti bħal dawn tara l-ġenerożità tan-nies li jaħsbu f’persuni li ma jafuhomx imma fl-istess ħin qed jagħtu donazzjoni mill-ftit li jistgħu … Li naħsbu f’xulxin għandha tkun parti mir-rutina tagħna ta’ kuljum, u mhux biss meta niġu bżonn xi ħaġa,” tisħaq Jeanette. 

YouTube video

Għal dawk kollu li jixtiequ jagħtu kontribut finanzjarju f’din il-kawża ġusta, jistgħu jagħtu donazzjoni sal-aħħar ta’ Frar li ġej permezz ta’ din il-ħolqa: https://gogetfunding.com/run-for-ena-marie/.

Ekonomija

Sport