Friday, May 3, 2024

ARA: “Din hi ġlieda li se nkomplu nwettqu b’determinazzjoni kontra min m’għandu l-ebda sens ċiviku”

Aqra wkoll

“Dalgħodu komplejna niġbru aktar skart illegali mormi minn numru ta’ farmhouses f’diversi żoni rurali madwar is-Siġġiewi,” spjega s-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, bħala aġġornament dwar is-sitwazzjoni li indirizza lbieraħ wara li ntlemaħ skart mormi illegalment fiż-żona tal-Kappella tal-Providenza u f’żoni oħra.

Huwa saħaq li dan l-aġir, li qed isir mill-ftit, mhux aċċettabbli, kemm għar-residenti Siġġiwin u għall-Kunsill ta’ din il-lokalità, kif ukoll għall-ebda kunsill lokali ieħor, tant li kompla jgħid illi: “Din hi ġlieda li se nkomplu nwettqu b’determinazzjoni kontra min m’għandu l-ebda sens ċiviku u favur dawk li jħobbu lis-Siġġiewi u lil Malta tagħna … se nkunu qed nimxu iebes ħafna kontra dawn l-abbużi”. Intant, huwa qal li immedjatament ġew infurmati l-pulizija tad-distrett dwar din is-sitwazzjoni sabiex jittieħdu l-passi kollha neċessarji minnufih.

B’rabta ma’ dan ukoll, huwa żvela li t-talba tiegħu sabiex issir laqgħa b’urġenza mas-Supretendent u mal-membri tal-Kunsill fil-preżenza tiegħu bħala s-Sindku tal-lokal, ġiet milqugħa u mistennija ssir fil-jiem li ġejjin. Dan filwaqt li żied jgħid illi bħala Kunsill għaddew l-evidenza u d-dettalji tan-nies li ddisponew dan l-iskart illegalment.

Fl-aħħar nett, huwa fakkar li kull persuna għandha r-responsabbiltà li tħares l-ambjent ta’ madwarha għaliex kulħadd għandu dritt li jgawdi minn ambjent sabiħ u dinjituż.

Sport