Tuesday, November 26, 2024

ARA: Diskussa liġi li tirregola u ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea fl-AI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’dibattitu fis-summit tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Blockchain (AIBC) li sar fl-aħħar jiem f’Malta l-MEPs Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer (S&D, MT) iddiskutew l-iżvilupp tal-ekonomija tal-AI u Blockchain u l-ġestjoni tar-riskji li jiffaċċjaw ir-regolaturi mal-mexxejja tal-industrija, l-imsieħba u esperti dwar is-suġġetti rispettivi.

Il-Membru Parlamentari Alex Agius Saliba, bħala viċi president tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi responsabbli mill-files diġitali qed jikkordina l-proċess li għaddej f’seba’ kumitati differenti b’rabta mal-intelliġenza artifiċjali. F’kummenti lil Talk.mt Agius Saliba qal li fl-Ewropa għandna l-ikbar ammont ta’ riċerkaturi u startups tal-AI iżda l-ikbar sfida hija kif din ir-riċerka tista’ twassal għal suċċess ekonomiku.

“Fuq bażi internazzjonali għandna aktar minn 45 fil-mija tar-riċerkaturi li jinsabu fuq bażi Ewropea, iżda imbagħad s-share ta’ investiment li qegħdin nagħmlu fejn tidħol kemm AI kif ukoll Blockchain huwa inqas minn sebgħa fil-mija meta kkumparat ma’ kontinenti oħrajn. L-ikbar prijorità li qed naħdem fuqha hija li fl-aħħar mill-aħħar dawn il-proċessi jintużaw filwaqt li ma jiksrux id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini”, kompla biex jispjegalna Agius Saliba.

YouTube video
Kumment tal-MEP Alex Agius Saliba

Illum il-ġurnata l-AI jintuża kullimkien inkluż fi proċessi li jużaw is-setturi pubbliċi bħalma huma l-Pulizija u l-Armata u għalhekk dawn qed jintużaw fit-toroq tagħna. Jintużaw ukoll meta npoġġu għal interviews u anke waqt li jittieħdu deċiżjonijiet li huma mill-aktar sensittivi u allura jeħtieġ li jkun żgurat li d-data li tintuża fi proċessi, li ħafna drabi jsiru mingħajr l-ebda element ta’ osservanza ta’ persuni viżiċi u għalhekk l-argument huwa li dawn il-proċessi jridu jinqasmu fi proċessi li huma riskjużi ħafna, fi proċessi li dan l-istess Att jgħid li ma jistgħux jintużaw għax ikunu qed jinkisru d-drittijiet fundamentali, iżda f’dawn il-proċessi jeħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw is-serħan il-moħħ b’iżjed trasparenza fost l-oħrajn meta l-AI tkun qiegħda tintuża, anke ħafna drabi mingħajr ma nkunu qegħdin nindunaw fuq pjattaformi online u nkunu qegħdin niġu bbumbardjati minn riklami online.


L-Att dwar l-AI huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u se jkun qiegħed jara li jpoġġi ’l quddiem numru ta’ regoli li jsaħħu l-kompetittività, joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol iżda fl-istess ħin iħarsu l-interessi taċ-ċittadini.

Miri ambizzjużi fejn l-AI kapaċi tgħinna naslu għal infrastruttura li tnaqqas it-traffiku

Min-naħa tiegħu l-Membru Parlament Ewropew Cyrus Engerer, f’isem is-Soċjalisti fil-Kumitat tal-Ambjent u s-Saħħa dwar l-użu tat-teknoloġija, u fil-Kumitat tal-libertajiet ċivili dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-użu tal-AI qalilna, li l-Unjoni Ewropea għandha miri ambizzjużi ħafna għall-ambjent u t-tibdil fil-klima fost affarijiet oħra u li biex jintlaħqu dawn il-miri jeħtieġ li jintużaw kull teknoloġiji possibbli biex tirnexxi.

YouTube video
Kumment tal-MEP Cyrus Engerer

Huwa qalilna li bla dubju l-intelliġenza artifiċjali hija dik it-teknoloġija li tista’ twassal biex jintlaħqu dawn il-miri, iżda fl-istess ħin din għandha n-nuqqasijiet tagħha. Sostna li bħala Parlament Ewropew huwa fid-dmir tagħhom li jipproteġu lill-ħaddiema fejn jidħol l-AI, id-data taċ-ċittadini Maltin, Għawdxin u Ewropej fejn tidħol l-AI u anke l-ambjent għax biex tuża l-AI trid tuża ħafna enerġija li minnu nnifsu huwa sfida ambjentali.


Dwar il-liġi, Engerer qal li din trid tara li tindirizza l-bżonnijiet klimatiċi u ambjentali li għandna u li biex naslu għal dan hemm bżonn tal-AI. Tkellem magħna dwar l-użu effettiv tal-ilma fl-agrikoltura, binjiet li jeħtieġ li jkunu aktar ambjentali li jnaqqas l-emmissjonijiet tal-karbonju u anke jekk nitkellmu dwar sistema tat-traffiku fejn l-AI kapaċi tgħidilna x’tip ta’ toroq u infrastruttura jkollna bżonn fis-soċjetajiet tagħna. Huwa sostna li l-ħsieb wara dan id-dibattitu kien li jintlaħaq bilanċ biex filwaqt li jsir progress, jiġu protetti l-istess ċittadini.

Suq diġitali aktar inklussiv u ġust b’regoli ċari biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura

Min-naħa tagħha l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar qalitilna li bħala rappreżentanta u negozjatriċi tas-Soċjalisti fil-kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu b’rabta ma’ din il-liġi l-ġdida ħadmet biex ikollna suq diġitali aktar inklussiv u wieħed aktar ġust filwaqt li jkun imħares l-element ta’ fiduċja minn dawk li jużaw din it-teknoloġija l-ġdida b’regoli ċari biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

YouTube video
Kumment tal-MEP Josianne Cutajar

Cutajar tenniet li l-AI u l-Blockchain huma żewġ teknoloġiji importanti li qed jevolvu malajr. Rigward il-ħidma fl-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ din it-teknoloġija, Cutajar spjegat dwar il-ħidma li għaddejja biex ikun hemm sett ta’ liġijiet u regoli biex jiġu regolati r-riskji li jista’ jkun hemm abbinati ma’ din it-teknoloġija. Fl-istess ħin l-Unjoni Ewropea qiegħda tara li tinċentiva ambjent fejn ikun hemm aktar investiment u innovazzjoni għal soluzzjonijiet permezz tal-AI f’oqsma differenti jekk hix is-saħħa, it-trasport, l-agrikoltura jew il-qasam tal-manifattura.

L-investituri qed jaraw vataġġ fiċ-ċokon ta’ pajjiżna

Fost kelliema oħrajn tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli li qalet li d-diġitalizzazzjoni u l-użu tat-teknoloġija huma wieħed mill-5 pilastri ewlenin fil-formulazzjoni tal-politika tagħhom flimkien mal-bqija li jinkludu t-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà, il-kapital uman u l-governanza. Mil-lat ta’ investiment barrani, Portelli qalet li pajjiżna huwa wieħed li jidher li qiegħed ikun attreanti għall-investituri li qed jaraw vantaġġ fiċ-ċokon ta’ pajjiżna biex jimirħu fil-proġetti piloti tagħhom. Sostniet li pajjiżna qiegħed isib appoġġ mill-gvern fejn jidħol investiment f’dawn iż-żewġ oqsma.

L-Ewropa tista’ tinbidel f’superpotenza globali fil-qasam tal-AI

Il-Professur Alexei Dingli, membru tat-taskforce nazzjonali tal-AI, innota li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex jinkisbu l-benefiċċji mill-AI, u enfasizza li l-kwistjoni tad-drittijiet hija essenzjali biex jiġu evitati l-istejjer tal-orrur li jseħħu bl-iżbalji tal-AI. Spjega li d-dinja għaddejja minn perjodu fejn biż-żieda tal-awtomazzjoni, nistennew li naraw aktar tfixkil fis-snin li ġejjin. Żied jgħid li għalhekk, issa huwa ż-żmien li nħejju lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna u nsaħħu l-ħiliet tal-work force tagħna biex nisfruttaw il-qawwa tal-Intelliġenza Artifiċjali u nbiddlu l-Unjoni Ewropea f’superpotenza globali f’dan il-qasam.

Sport