Koppja li kienu waqt vaganza f’Disneyland kellhom togħma qarsa wara li impjegat ħassrilhom il-mument tagħhom waqt il-proponiment taż-żwieġ.
Kif wasal il-mument tant mistenni, ir-raġel niżel għarkupptejh u ħareġ il-kaxxa taċ-ċurkett mill-but, bit-tfajla eċitata quddiemu għal dan il-proponiment.
Iżda hekk kif ir-raġel qed jistenna l-‘iva’ mingħand it-tfajla tiegħu, impjegat li jaħdem f’Disneyland daħal jiġri bejniethom u ħataflu l-kaxxa taċ-ċurkett minn idejh u deher nieżel it-taraġ. F’filmat li ttella’ online, huwa beda jagħmlilhom is-sinjal biex jinżlu ħdejh sabiex ikomplu bil-proponiment għax skontu minn hemm kien jidher isbaħ.
Uħud mill-ħbieb tal-koppja kkummentaw li dan l-impjegat ħassar mument uniku bejn il-koppja. Huma komplew jispjegaw li seħibhom qabel m’għamel il-proponiment kien talab permess lil waħda mill-ħaddiema u din ma sabitx oġġezzjoni.
In-nies li kienu preżenti waqt li seħħet din ix-xena kienu tal-istess fehma: li l-impjegat ħassar dan il-mument tant sabiħ għall-koppja.
Disneyland talbet skuża għall-mod kif ġew trattati l-koppja u offrewlhom li jerġgħu jagħmlu l-proponiment bl-għajnuna tagħhom.