Sunday, November 24, 2024

ARA: €200 miljun biex jilqgħu għall-impatt tal-invażjoni fl-Ukrajna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-bidu tat-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li se jkompli jispjega dak kollu li l-Partit Laburista qiegħed iwiegħed għal-leġiżlatura li jmiss. 

Minkejja dan huwa ħass li kien jagħmel sens li bħalissa jitkellem dwar dak li għaddej fl-Ukrajna. Huwa qal li l-invażjoni se twassal għal eluf kbar ta’ ċittadini Ukreni li qegħdin jaqbdu t-triq biex ifittxu kenn f’pajjiżi oħra.

Huwa nnota kif il-prezzijiet fis-swieq internazzjonali bħalma huma ż-żejt, il-qmuħ u l-ġwież qegħdin ikomplu jogħlew kawża tal-gwerra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru qal li kif ħabbar fil-budget li għadda, pajjiżna se jkun warrab €200 miljun sabiex jilqa’ għal kwalunkwe mpatt li jista’ jkun hemm fl-għoli tal-prezzijiet. 

Filwaqt li semma ċ-ċekk li se jkun qiegħed jingħata lil kulħadd fil-jiem li ġejjin biex jilqa’ għall-għoli tal-ħajja u ma eskludiex li dan jerġa’ jinħareġ jekk ikun hemm meħtieġ.

Rigward il-prezzijiet tal-fjuwil, il-Ministru qal li dawk li jsuqu vettura petrol mingħajr l-intervent tal-gvern kienu jeħlu €5 aktar fuq kull €20 ta’ konsum. Dawk li jsuqu vettura diżil, mingħajr l-intervent ta’ dan il-gvern kienu jispiċċaw joħorġu €6 aktar ma’ kull €20 ta’ konsum.

“Dan kollu stajna nagħmluh minħabba ħaġa waħda għaliex dan huwa gvern responsabbli u għaqli fit-tmexxija tal-pajjiż u għalhekk jeħtieġ li fis-26 ta’ Marzu terġgħu tagħtuna l-fiduċja sabiex b’hekk intkom u l-familji tagħkom tkunu raskom mistrieħa”, temm jgħid Caruana.

Sport