Illum ġie estradit lejn Malta t-tielet suspettat allegatament involut fil-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema nhar it-18 ta’ Awwissu, 2020. Is-suspettat wasal Malta ftit qabel nofsinhar, permezz ta’ titjira, mill-ajruport ta’ Madrid, fi Spanja.
Mgħasses fuq l-ajruplan minn pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, mal-wasla fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, huwa ttieħed taħt sigurtà massima lejn il-lock up fil-Kwartieri Ġenerali tal- Pulizija, il-Floriana.
Qabel ma nġieb minn Spanja, l-allegat suspettat sarlu test għal kontra l-Covid-19 u seta’ jinġieb Malta wara li r-riżultat ħareġ negattiv.
L-allegat suspettat kien telaq minn Malta nhar il-ġimgħa, 28 ta’ Awwissu, 2020, b’titjira lejn pajjiż fiż- żona Schengen. Dakinhar stess, il-Pulizija Maltija kellha informazzjoni li tindika li s-suspettat ħarab lejn Spanja u mill-ewwel bdiet il-proċeduri biex jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew.
F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola, permezz tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol, is-suspettat ġie arrestat jumejn wara, f’lukanda f’Cadiz, fi Spanja. Mill-ewwel beda l-proċess fil-Qrati Spanjoli sabiex is-suspettat jiġi estradit lejn Malta, bil-Qorti, fil-jiem illi għaddew ikkonfermat l- estradizzjoni wara li l-allegat suspettat tilef il-kawża li għamel.
L-allegat suspettat qiegħed issa jkun interrogat mill-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u mistenni jitressaq il-Qorti għada, akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.