Friday, November 15, 2024

ARA: “Fl-aħħar sena Malta rat tnaqqis fis-serq li l-Pulizija rnexxielhom iniżżluh għall-anqas livell fl-aħħar 25 sena”

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, b'messaġġ liċ-ċittadini u lill-uffiċjali nhar il-208 anniversarju tal-Korp

Aqra wkoll

Illum il-Korp tal-Pulizija għalaq 208 snin. Għaldaqstant, f’dan il-jum speċjali, il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, ħass li kellu jwassal messaġġ kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-membri tal-Korp li ta’ kuljum jassiguraw soċjetà Maltija sigura għal kulħadd.

Is-Sur Gafà beda billi għamel referenza għax-xogħol estensiv li sar fuq il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija matul dawn l-aħħar ġimgħat. Però huwa fakkar li: “It-tiġdid fil-Korp jestendi lil hinn mir-restawr tal-ġebel”. Intant huwa spjega kif matul dawn l-aħħar sentejn, il-Korp tella’ proċess ta’ tiġdid, li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-membri tal-Korp; semma t-taħriġ li ngħataw il-membri f’dik li hi tmexxija.

“Il-poplu Malti għandu għax tassew ikun kburi b’dawn l-uffiċjali tagħna. Perfetti la konna u qatt mhu ser inkunu, però fil-bidu ta’ din is-sena n-nies tagħna wrew xi jsarrfu,” sostna s-Sur Gafà. Hawnhekk huma faħħar żewġ ħidmiet li rrikjedew bosta xogħol mill-Pulizija: l-elezzjoni ġenerali u l-miġja tal-Papa Franġisku f’Malta. Ma naqasx milli rringrazzja lill-uffiċjali tal-Pulizija li ħadmu b’tant dedikazzjoni matul żewġ weekends infila sabiex dawn iż-żewġ avvenimenti setgħu jkunu suċċess kif ukoll irringrazzja lill-poplu li kkopera matul din il-ħidma biex l-avvenimenti setgħu jsiru mingħajr problemi.

Spjega wkoll li l-Korp qed jieħu ħsieb il-well being tal-uffiċjali u li dan se jibqa’ jsir “Għax b’uffiċjali b’saħħithom fiżikament u mentalment il-poplu Malti jkun jista’ jieħu servizz aħjar mingħand il-Korp tal-Pulizija”. B’rabta ma’ dan, huwa saħaq li fl-aħħar sena Malta rat tnaqqis fis-serq li l-Pulizija rnexxielhom iniżżluh għall-anqas rata f’dawn l-aħħar 25 sena.

Fost il-ħidma strumentali li twettqet mill-Pulizija nsibu wkoll dik mill-investigaturi tal-Korp fil-qasam finanzjarju li kienu pedina tant importanti sabiex pajjiżna seta’ joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF f’qasir żmien, kif ukoll it-tisħiħ ma’ organizzazzjonijiet barranin fosthom il-Europol li assistiet lill-Korp f’numru ta’ operazzjonijiet.

“Meta nħares lura u nara xi rnexxielna nwettqu f’dawn l-aħħar sentejn nimtela b’kuraġġ kbir għax persważ li ġurnata wara l-oħra l-uffiċjali tagħna se jkomplu joffru servizz aktar professjonali u li jixraq lilkom iċ-ċittadini Maltin,” sostna s-Sur Gafà.

Ekonomija

Sport