Saturday, December 21, 2024

“Ara Ġejja l-Mewt Għalik” f’Ottubru

Aqra wkoll

Ktieb ġdid ippubblikat dan ix-xahar mill-BDL hu “Ara Ġejja l-Mewt Għalik”, it-tieni ġabra ta’ stejjer tal-biża’ tal-awtur Joseph A Cachia.

F’din il-ġabra ta’ għaxar stejjer hemm dak kollu li wieħed ikun jixtieq li qatt ma jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Għax min irid jiltaqa’ ma’ qattiela, spirti u nies ħżiena li jagħmlulek ħajtek miżerabbli?  Imma fil-paġni ta’ dan il-ktieb se tiltaqgħu ma’ dawn il-karattri xejn sbieħ u l-kittieb isostni li min iħobb dawn it-tip ta’ stejjer jieħu pjaċir isir jafhom. X’aktarx li t-tajjeb jitlef u jirbaħ il-ħażin.

Cachia fin-novelli tiegħu jistaqsi li veru li jekk tkun taf il-futur ikun jaqbillek? Taħseb li tgħix aħjar jew tisħet is-siegħa u l-mument li ssir taf, bħalma gralu wieħed f’dan il-ktieb? Jekk raġel miżżewweġ mitluf b’imħabbtu wara martu li dejjem jaħilfilha li jibqa’ jħobbha anki wara mewtu. Imbagħad imut u hekk jibda t-terrur għall-mara wara li jindifen.

Stejjer oħra jirrakkuntaw dwar anzjan li kapaċi jagħtik dak kollu li trid f’ħajtek. Imma jkun irid jitħallas ta’ xogħlu billi tagħtih snin minn ħajtek biex jonqsulu minn tiegħu daqs kemm tagħtih minn tiegħek. Kwadru antik iwassal biex iġib biża’ f’ħajjet koppja li s-saħta tiegħu tkun ġejja minn mijiet ta’ snin ilu u tintemm biss meta Kavallier mejjet jaqta’ xewqtu llum. U xabla ta’ bojja mill-ħabs ta’ Sant’Anġlu għadha tfittex ġustizzja mijiet ta’ snin wara.

Il-mistoqsija tal-aħħar tal-kittieb hi li tassew li l-mewt tiġi għalik biex tixwik u taqlik?

“Ara Ġejja l-Mewt Għalik” hu t-tieni ktieb ta’ stejjer tal-biża’ ta’ Joseph A Cachia wara li s-sena l-oħra kien ħareġ “Id-Deffien taċ-Cimiterju”, ippubblikat ukoll mill-BDL.

Ekonomija

Sport