Saturday, December 14, 2024

ARA: “Għadna nonqsu milli nisseparaw l-iskart… Ir-riefnu għamel il-miżuri ineffettivi”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miżuri intensivi ta’ mitigazzjoni ma jwaqqfux it-tixrid tal-iskart f’Tal-Għallis

Ir-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat wassal għal diversi ħsarat strutturali kif ukoll ambjentali. Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-ajruport nħarġet twissija biex jgħarraf li r-riħ min-Nofsinhar ix-Xlokk kien ser ikun qawwi għal qawwi ħafna, f’xi waqtiet jilħaq qawwa ta’ riefnu fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Intqal li t-twissija tibqa’ valida sas-7.30 p.m. Talk.mt żar iż-żona tal-Għallis fil-limiti tan-Naxxar fejn stajna ninnutaw ammont kbir ta’ skart li kien qiegħed jinxtered fl-ajru kawża tar-riħ qawwi. 

YouTube video

Dan is-sit talab ukoll ir-reazzjoni għal dan l-inkonvenjent lill-WasteServ fejn meta mistoqsija dwar x’wassal għal dan it-tixrid ta’ skart wieġbet li sfortunatament ir-riħ qawwi li laqat il-Gżejjer Maltin intensifika problema kbira li WasteServ qed tkompli tiffaċċja meta nonqsu milli nisseparaw l-iskart. Waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ dan hija li sfortunatament kwantitajiet kbar ta’ plastik għadhom qed jiġu mormija f’boroż suwed li eventwalment qed jispiċċaw fil-miżbla.

Dwar x’azzjoni se tkun qiegħda tittieħed, WasteServ wieġbet li se jkunu qed isiru l-isforzi kollha sabiex titnaddaf din iż-żona. Fil-fatt, minn filgħaxija stess kienu diġà għaddejjin taħditiet mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni biex titnaddaf iż-żona tal-Magħtab, f’ħidma konġunta mal-impjegati tagħhom.

Barra minn hekk, WasteServ għandha fis-seħħ għadd ta’ miżuri intensivi ta’ mitigazzjoni, inkluż:

1. L-installazzjoni ta’ xbieki apposta tul il-perimetru tal-landfill. Dawn jaqbdu kwantità kbira ta’ materjali.

2. Skart li jkun dieħel jiġi mgħotti b’saff speċjali ta’ materjal biex l-iskart ma jinxterridx ħalli tiġi evitata din il-problema, kif ukoll problemi ta’ riħa, u problemi oħra.

3. Toroq li mhumiex pavimentati ġewwa l-Magħtab jiġu mxarrba ta’ kuljum biex nillimitaw it-trab.

4. Ta’ kuljum jitħaddmu mechanical sweepers biex innaddfu t-toroq interni

Dan jikkonferma li l-WasteServ qiegħda tinvesti kontinwament f’aktar riżorsi biex tkompli tindirizza din il-problema. “Sfortunatament, f’riħ qawwi ħafna, huwa inevitabbli li oġġetti ħfif itiru”, kompliet it-tweġiba.

Ħafna drabi dawn it-tip t’oġġetti, bħall-plastik, jistgħu jiġu riċiklati faċilment. Bħala WasteServ kompliet tisħaq fuq l-importanza li l-pubbliku jissepara l-iskart tiegħu b’mod tajjeb u ma jarmix dan il-materjal riċiklabbli fil-borża s-sewda. B’hekk tali skart riċiklabbli jkun jista’ jinbidel f’riżorsa, minflok jispiċċa fil-landfill u joħloq problemi simili.

WasteServ temmet bl-appell tagħha favur is-separazzjoni tal-iskart b’mod responsabbli u qalet li dak li seħħ fl-aħħar sigħat huwa waħda mir-raġunijiet primarji għalfejn il-kumpanija kontinwament tagħmel kampanji edukattivi biex tkompli tippromwovi s-separazzjoni tal-iskart. Fil-fatt, WasteServ bħalissa tinsab għaddejja b’kampanja fuq skala nazzjonali bl-isem ta’ Separate right, make our future bright.

Ekonomija

Sport