It-tfajjel Rabti kuntent ħafna li l-Papa apprezza l-ġest tiegħu
Ġimgħa wara ż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna, Talk.mt iltaqgħet ma’ Andrea Micallef. Qalilna li dakinhar qam kmieni u għamel ħin twil jistennieh lill-Papa barra mill-knisja fir-Rabat. Sfortunatament, minħabba ċertu għeja li dehret evidenti minn numru ta’ filmati mxandra, il-Papa rikeb fil-karozza mingħajr ma dar ma’ dawk li nġabru biex jirċievu l-barka tiegħu.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tal-komunità Rabtija, bosta lmentaw li kien hemm nuqqas ta’ pjanar fl-organizzazzjoni taż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat. Dan hekk kif il-qdusija tiegħu rikeb biex ikomplu l-vjaġġ tiegħu lejn il-Furjana kif skedat mingħajr ma ħareġ isellem lil dawk li nġabru quddiem il-Knisja sa minn sigħat qabel. Anke jekk kien hemm din il-kritika, oħrajn irreaġixxew b’nota pożittiva u sostnew li bħala Rabtin kellhom japprezzaw iżjed il-fatt li minn tant Knejjes, il-Papa għażel li jżur dik fil-komunità tagħhom u li bħala Rabtin kellhom iċ-ċans li jaraw mill-qrib il-Kap tal-Knisja Kattolika. Andrea huwa fost dawn tal-aħħar u jikkonferma dan hu u jkompli jgħidilna dwar l-esperjenza tiegħu.
Hu u jxejjirlu l-gear li kien ħejjielu flimkien ma’ missieru, għajnejhom iltaqgħu u Franġisku deher kuntent ħafna b’dak il-ġest tat-tfajjel Rabti. “Naf li rah il-flok u mit-tbissima tiegħu stajt ninduna li feraħ ħafna. Għalija kien worthed għax rajtu b’għajnejja u kuntent li hu apprezza l-ġest tagħna bħala Rabtin. Veru li għamilna fuq siegħa u nofs nistennewh, imma kien hemm ħafna tfal oħra li xtaqu kienu hemm u ma setgħux minħabba li kellna nkunu biss grupp żgħir”, jgħidilna Andrea.
Minkejja li ma rnexxilux ikellmu, Andrea għadu ferħan ħafna li ra lill-Papa u dak li kellu jsir dakinhar se jsir xorta. Dan hekk kif il-gear li Andrea kellu jagħti lill-Papa se jkun qiegħed jasal għandu xorta waħda fil-ġimgħat li ġejjin. Minflok se jkun Andrea li jgħaddihulu, se jkunu xi tfal oħra li jilagħbu fl-istess tim tiegħu u li nzertaw se jkunu qegħdin joffru s-servizz ta’ abbatini fil-Vatikan. Se ssir replika tal-gear biex il-Papa jiffirmah ukoll u jiġi regalat lill-klabb biex ikun jista’ jibqa’ tifkira ta’ din il-ġurnata speċjali.