Friday, December 13, 2024

ARA: “Għalina l-arti tiġi qabel il-but … nibqgħu noħolmu li dan l-istil jiġi rikonoxxut lokalment”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kapitlu Tlettax b’diska ġdida li titratta relazzjoni li falliet u ħalliet biss ‘Memorji’

Miktub minn Brian Gatt

“Għalina hija ħolma li r-rap jiġi rikonoxxut lokalment. Minn meta bdejna Kapitlu Tlettax għamilna progress, iżda dan nqabblu biss mal-għeruq ta’ siġra li nemmen li għad trid tikber, tiffjorixxi u toffri xi ħaġa akbar lill-pubbliku”. Hekk beda biex jgħidilna Joseph Calleja mid-duo Kapitlu Tlettax meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tar-rap f’pajjiżna. Qalilna li sfortunatament dan l-istil għadu ma rnexxilux jintegra fl-istazzjonijiet tar-radju lokali. Għad-duo ffurmat minnu flimkien ma’ Edward (Dwardu) Magri hija bħal għoqda fuq l-istonku li wara dik il-ħidma kollha minn wara l-kwinti biex joħorġu bl-aħjar lirika u mużika, din ma tiġi inkluża fl-ebda playlist tal-istazzjonijiet lokali.

“Il-fama tista’ tgħollik jew ssabtek qabel int stess tinduna”

Hawnhekk id-duo ċċaraw magħna li din ix-xewqa mhijiex xi ħaġa ta’ fama imma huma jagħmlu sigħat twal wara l-ħin tax-xogħol tista’ tgħid b’mod volontarjat biex jesprimu l-arti tagħhom u l-isbaħ pagament għalihom ikun li jwasslu l-messaġġ. 

Minkejja li Kapitlu Tlettax ħarġu l-ewwel diska lura fl-2015, Calleja beda jesperimenta bil-kitba minn mindu kellu 13-il sena u kienu aktar minn 10 snin wara li ħarġu bl-ewwel diska tagħhom “Warda fuq il-qabar”. Minn dan il-punt huma spjegawlna li meta jaraw s-sitwazzjoni ta’ reklamar fuq il-midja lokali jħossu bħal għafsa ta’ qalb għax qed issir ħsara minħabba l-industrija tal-flus. Qal li reklamar qawwi fuq prodott li mhuwiex ta’ livell mhux biss iwassal biex jegħreq dak l-istess prodott, iżda jniżżel miegħu prodotti oħrajn li jaqdu l-istess funzjoni. Irreferew għal artisti lokali li tista’ tgħid għadhom qed jiskopru l-arti tagħhom u jinħlew jirreklamaw prodott mingħajr ma jevalwaw is-sitwazzjoni personali tagħhom. Calleja qalilna li l-midja m’għandhiex timbotta lil min ma ħaqqux u tippromwovi artisti jew mużika li jkunu livell baxx tal-ġeneru. 

L-arti ma titgħallimhiex … tiskopriha

Kapitlu Tlettax illum il-ġurnata għandhom esperjenza ta’ numru ta’ snin u Calleja qalilna li wieħed mis-sigrieti tagħhom dejjem kien li meta jibda jħarbex il-lirika “jekk ma ddoqqlix mal-ewwel mhux se ddoqqli mat-tieni mela narmi u nerġa’ nibda mill-ġdid”. Kellimna dwar l-arti tal-kitba li maż-żmien id-duo rnexxielu mhux biss jgħaqqadha mal-mużika ta’ Dwardu li diġà fjorixxiet fl-ewwel diska tagħhom, iżda saħansitra waslu biex jagħmlu pass akbar minn hekk. Il-produzzjoni tal-ewwel diski tagħhom kien jieħu ħsiebha persuna professjonali, iżda mal-ħin minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji għamlu l-kalkoli tagħhom u qablu li jkun aħjar li jinvestu f’apparat tal-vidjografija u jesperimentaw huma stess. Minn hemm bdiet prattika kontinwa u minkejja li ma kinitx xi ħaġa faċli, illum il-ġurnata huma responsabbli mill-produzzjoni ta’ filmati mużikali ta’ ċertu livell. “Ovjament baqa’ ħafna xi jsir u għad irridu ninvestu f’aktar apparat imma b’determinazzjoni qegħdin naħdmu kuljum biex nipperfezzjonaw il-prodott finali”, tennew jgħidulna. 

Joseph u Dwardu minn Kapitlu Tlettax

Għalkemm il-pubbliku jara żewġ persuni bħala Kapitlu Tlettax, huma ta’ kuljum jaħdmu b’mod separat minn djarhom bi Dwardu jiffoka fuq il-mużika u Joseph fuq il-lirika u l-produzzjoni. Fl-ewwel diska Calleja kien iffukat fuq il-lirika bħala l-għan ewlieni tiegħu, iżda f’dawn l-aħħar xhur mal-lirika li jikteb huwa sar jgħaqqad ix-xeni li “tista’ tgħid ikunu f’moħħi qabel nibda nifforma l-versi”.

“In-nies hemm barra huma s-sinsla tagħna… għenuna nevolvu”

Rigward x’jagħtihom il-motivazzjoni li jkomplu jaħdmu bla waqfien, Dwardu qalilna li dik il-ħaġa li l-pubbliku jibqa’ jemmen fik u li mas-snin il-folla bdiet tiżdied, bla ma trid timtela b’kuraġġ kbir. Kien hemm żmien fejn konna nemmnu li Kapitlu Tlettax kellu jkun storja qasira ta’ ftit diski u jieqaf hemm, iżda llum il-ħolma tagħhom hija li jibqgħu jtejbu l-livell. Calleja min-naħa tiegħu qalilna li l-pubbliku huwa dejjem f’qalbu u f’moħħu. Eżempju ta’ dan hija parti mil-lirika ta’ diska riċenti ‘Mhux Illum’ fejn saħansitra għażel li fil-versi stess jesprimi gratitudni għal dawn in-nies f’diska li kien jaf li kienet se tkun suċċess qabel ħarġet. Kien għalhekk li uża l-kliem “Wasal iż-żmien li din il-pinna terġa’ tibrilla u grazzi għalikom li dawn l-erba’ snin aħna kollha għamilna, din il-ħames waħda s-sena l-2020”. 

Qalulna li jħossuhom kburin bir-reputazzjoni tagħhom “hemm barra” u li kien hemm żmien li kien l-istess pubbliku li tagħhom ħjiel ta’ xi xtaq jisma’ u din kienet xi ħaġa li għenithom ħafna fil-karriera tagħhom.

Ma naqsux milli jsemmu l-kontribut li l-vjolinista Maria Cini tat lil grupp f’dawn l-aħħar diski u li l-pubbliku bħal “minnufih aċċettaha u qabel mad-deċiżjoni tagħna. Kien ilna nsegwuha lil Maria u għalkemm dejjem qbilna li nibqgħu aħna t-tnejn, Maria bit-talent tagħha qiegħda toffri dik ix-xi ħaġa extra”.

“Il-pandemija waqqfitilna l-kuntatt man-nies u kompliet tagħmilielna aktar diffiċli biex inkopru l-ispejjeż”

Il-pandemija tal-Covid-19 kellha l-effetti tagħha tista’ tgħid fuq kulħadd u għalhekk ma stajniex ma nistaqsux lil Joseph u lil Dwardu dwar kif affettwathom. L-akbar dispjaċir tagħhom kien li minħabba raġunijiet ta’ saħħa huma kellhom iwaqqfu l-live shows jagħtuhom dik is-sensazzjoni ta’ interazzjoni mal-folla li jkun hemm quddiemhom, irrelevanti minn kemm din tkun kbira.

Għal dawn iż-żewġ artisti mimlijin enerġija “Li taħdem filmat mużikali hija xi ħaġa sabiħa u meta tara kemm sigħat niddedikaw biex dan isir aktar u aktar, pero li inti tesebixxi dak li tkun ipproduċejt quddiem grupp ta’ persuni jew folla hija xi ħaġa ferm aktar bis-sens”.

“Proprju llum qed noffru lill-pubbliku diska ġdida… MEMORJI”

YouTube video

Illum hija waħda minn dawk il-ġranet li wara tant sigħat minn wara l-kwinti noffru lill-pubbliku xi ħaġa ġdida. ‘MEMORJI’ hija diska bbażata fuq storja veru ta’ relazzjoni li falliet u li skont l-awtur fil-lirika jista’ jkun hemm ħjiel ta’ x’seta’ wassal biex falliet din l-istess relazzjoni. Calleja spjegalna li dan is-suġġett huwa wieħed mill-favoriti u li l-pubbliku bla ma forsi jaf jirrelata lilu nnifsu mal-emozzjoni li kapaċi tqanqal lirika simili. 

“Memorji titratta dwar relazzjoni li minn qalbha mċarrta u kif jgħidu meta xi ħaġa tixxaqqaq, impossibbli terġa’ tiġi kif kienet fl-istat oriġinali. Kien hemm intoppi f’din ir-relazzjoni li komplew jiddeterjorawha u minkejja l-ħafna wegħdi ta’ relazzjoni li bħal ħafna oħrajn fil-bidu dehret li setgħet tkun suċċess, ġiet sfurzata u issa baqa’ biss memorji”, spjegawlna Kapitlu 13.

Għall-awtur ta’ din id-diska ġdida, kelk l-vantaġġ li din l-istorja ġiet rrakkuntata lilu minn ħabib tiegħu stess li hu u jaqsam miegħu din l-esperjenza bla ma’ forsi ntebaħ qasam miegħu l-emozzjonijiet ta’ kull fażi f’dan l-istess rakkont u din għenitu jidħol aktar fis-suġġett. 

Rigward il-filmat mużikali ta’ din id-diska, Calleja spjegalna kemm kien prudenti tant li mhux biss inġibdu xeni għal darba darbtejn sakemm seta’ joħroġ il-prodott finali, iżda saħansitra rnexxielu jqabbel il-maltemp “mal-maltempata” li kienet bdiet tinbet meta feġġew l-ewwel intoppi f’din ir-relazzjoni li kiteb dwarha.

“La tgħaddi l-pandemija nixtiequ noffru xi ħaġa ġdida lil dawk li baqgħu magħna matul dan il-vjaġġ”

Għall-mistoqsija x’hemm pjanat fix-xhur li ġejjin, Kapitlu Tlettax qalulna li minkejja li l-pandemija waqqfet parzjalment il-ħidma tagħhom, il-ħsieb hu li jgħaddi kollox u nerġgħu lura għal sitwazzjoni aktar kontrollata, jivjaġġaw biex jikkollaboraw ma’ artisti barranin. Ikkonfermaw magħna li diġà hemm kuntatti u li din il-ħolma qiegħda mdendla biss minħabba prekawzjonijiet kontra l-possibbilità ta’ infezzjoni “bla bżonn”. 

Filwaqt li rringrazzjaw lil kull minn b’xi mod jew ieħor kien hemm għalihom f’dawn is-snin ta’ ħidma appellaw lill-pubbliku biex illum iżur il-paġna tagħhom ta’ Facebook https://www.facebook.com/kapitlu fejn se jkunu qed jippubblikaw id-diska ġdida tagħhom.

Ekonomija

Sport