Inewsmalta jiltaqa’ mal-Project Managers fl-iskola l-ġdida tal-Qawra… minkejja l-Covid-19 ix-xogħol baqa’ għaddej u se jitlesta
Miktub minn CARMEN CACHIA, Filmat u Ritratti: ALAN SALIBA
F’dawn l-aħħar jiem il-ġenituri ta’ tfal fil-livell primarju li jgħixu fl-inħawi tal-Qawra, irċevew notifika permezz ta’ SMS li fih ingħataw l-aħbar tant mistennija li wliedhom minn Settembru li ġej jistgħu jibdew jattendu l-iskola l-ġdida tal-Qawra. Din l-iskola, b’faċilitajiet mill-aqwa fosthom lifts, toilets f’kull klassi, arja kkondizzjonata u faċilitajiet sportivi, hija proġett ambizzjuż li bih il-Gvern se jkun qiegħed jiftaħ l-ikbar u jekk mhux l-isbaħ ukoll, skola primarja f’Malta.
Il-bżonn ta’ din l-iskola kien ilu jinħass is-snin u dan minħabba li l-popolazzjoni tal-istudenti li kienu jattendu fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar kienet telgħet għal aktar minn 1,000 student. Dan l-ammont ta’ tfal fi skola waħda kien insostenibbli għal diversi raġunijiet bl-aktar waħda ovvja, dik li ma kienx hemm biżżejjed klassijiet.
Il-Gvern ra l-ħtieġa ta’ skola ġdida f’dan l-inħawi u permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, beda jibni skola primarja ġdida fil-Qawra li se tilqa’ fiha madwar 500 student u studenta li jgħixu f’dawn l-inħawi. L-art għal din l-iskola tkopri 9,500 metru kwadru u hija investiment ta’ madwar €13-il miljun li se tkun qiegħda tikkumplimenta lil dik ta’ San Pawl il-Baħar.
“Il-Covid-19 affettwana wkoll imma bqajna għaddejjin”
Dan il-ġurnal iltaqa’ maż-żewġ Project Managers Jonathan Vella u Mario Mamo li qegħdin jaħdmu fuq l-aħħar xogħolijiet meħtieġa fl-iskola tal-Qawra. Din l-iskola hija mibnija bl-għola livell li qatt kellna f’pajjiżna. Bħalissa qegħdin isiru l-aħħar irtokki fejn qegħdin jiċċekkjaw id-dwal, kif ukoll is-sistema tal-ilma. Barra d-dehra u d-daqs tagħha, din l-iskola ġdida hija maħduma b’rispett lejn l-ambjent bi twieqi apposta (thermal), kif ukoll b’sistema tal-ilma li se jinġabar fi tlett ibjar kbar għall-użu li jkun hemm bżonn.
It-tliet sulari fejn se jkun hemm il-klassijiet tat-tfal tal-primarja saru b’kuluri differenti apposta u dan bil-għan li t-tfal ikunu jafu f’liema sular hija l-klassi tagħhom. “Barra minnhekk,” spjega Jonathan Vella, “dawn il-kuluri jagħtu dehra sabiħa lill-ambjent li jkunu fih l-istudenti”. Huwa dawwarna mas-sit fejn stajna naraw b’għajnejna l-andament avvanzat tax-xogħol. Fost affarijiet oħra, wasal it-turf tal-pitches u anke bdew jaslu konsenji ta’ għamara, fosthom dak tal-laboratorju tax-xjenza, siġġijiet u mwejjed għall-klassijiet, kif ukoll il-lockers għall-istudenti.
Minkejja d-diversi sfidi li kellhom jiffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-Covid-19, Vella u Mamo ħadmu bla heda u b’mod organizzat biex din l-iskola xorta waħda tinfetaħ f’Settembru li ġej u dan għall-istudenti kollha, jiġifieri mill-Kindergarten sas-sitt sena tal-primarja.
Din l-iskola se tiftaħ ħinijiet dawk normali u għal dawk il-ġenituri li jaħdmu, huwa fil-pjani tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) li minn Settembru/Ottubru li ġej jinfetaħ Klabb 3-16 fil-Qawra stess.