Friday, November 8, 2024

ARA: Ħelsien mill-arrest għar-raġel mixli bil-qtil ta’ żewġt iklieb f’Ta’ Sannat

Id-Difiża fit-talba għall-ħelsien mill-arrest tisħaq li ħuh anzjan b'diżabbiltà jiddependi minnu

Aqra wkoll

Raymond Bajada ta’ 51 sena miis-Sannat tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Simone Grech mixli bil-qtil ta’ żewġt iklieb fi Triq il-Għaxra t’Ottubru 1942. Minbarra l-akkuża ta’ moħqrija tal-annimali, huwa kien mixli wkoll li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja.

L-Ispettur Bernard Charles Spiteri xehed kif għall-ħabta tal-5:30 p.m tal-bieraħ il-Pulizija rċeviet żewġ rapporti b’rabta ma’ tiri sparati u li aktar tard mill-istħarriġ illi sar l-istess persuni qalu li kienu raw lill-akkużat bid-duħħan ħiereġ mis-senter.

Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat u qal li dan għandu lil ħuh anzjan li jiddependi minnu minħabba li huwa persuna b’diżabbiltà. Spjega li ommhom għandha fuq 80 sena u b’hekk l-arrest tiegħu kien ifisser tbatija għal ħuh.

YouTube video

Innota wkoll li l-akkużat ilu ma jkollu x’jaqsam mal-Qorti għal aktar minn 20 sena fejn lura fl-2001 kien ingħata sentenza sospiża fuq każ separat.

L-avukat qal ukoll li ħadd ma rah jispara fuq il-klieb u li x-xhieda indikati mill-prosekuzzjoni kien imesshom telgħu jixhdu fis-seduta tal-lum stess.

Filwaqt li l-prosekuzzjoni qiegħda tisħaq li hija qiegħda timxi mal-proċeduri, l-Avukat kompla jenfasizza fuq it-talba tal-ħelsien mill-arrest u li l-klijent tiegħu kien lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet kollha inkluż li ma javviċinax lix-xhieda. Il-prosekuzzjoni kompliet toġġezzjona minħabba l-possibbiltà tal-intralċ tal-provi.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat iddeċidiet li tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat taħt diversi kundizzjonijiet fosthom:

  • Li jidher l-Qorti kull meta mitlub jagħmel dan
  • Li ma jħallix il-pajjiż
  • Li ma jkellimx lix-xhieda
  • Li jiffirma l-Għassa tar-Rabat it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa 
  • Depożitu ta’ €2,000
  • Garanzija personali ta’ €10,000

Fost il-persuni preżenti fl-awla kien hemm xi persuni qraba tal-akkużat.

Sport