Friday, December 13, 2024

ARA: “Id-dokumenti tagħna ma jagħtuniex id-dinjità li jistħoqilna”

Immigranti jipprotestaw għad-drittijiet bażiċi u fundamentali

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-futur mhux ċar.” “Iż-żejjed kollu żejjed.” “Stabbiltà mhux inċertezza.” “Is-skiet konformità.” Dawn l-istqarriji kienu jinsabu fuq uħud mill-bosta kartelluni li rat il-Belt Valletta. Nisa, irġiel u tfal. Ilkoll ingħaqdu dalgħodu quddiem il-Parlament Malti, fil-Belt Valletta, fejn permezz ta’ protesta paċifika semmgħu leħinhom fejn talbu għal aktar drittijiet bażiċi, għaliex fl-aħħar mill-aħħar, “ġejna kif ġejna, kollha inħalsu t-taxxa Maltija.” 

Il-kommunità ta’ immigranti u l-applikanti  għall-ażil  ta’ Malta nġabru biex jiġbdu l-attenzjoni tal-mod ta’ kif qegħdin jiġu trattati. F’indirizz dirett lil Identity Malta u għaldaqstant ukoll il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, il-kelliema saħqu li din l-unjoni saret bħala prova ċara tal-kundizzjonijiet, deskritti inadegwati, mhux sostenibbli u lanqas umani. 

Waqt din l-istess protesta, huma appellaw biex jinżammu kemm jista’ jkun prekawzjonijiet meħtieġa minħabba l-pandemija, tant li bdew iqassmu ilbies protettiv, fosthom il-maskri. Filwaqt li għamlu numru ta’ talbiet lill-Gvern Malti biex jgħixu ħajja aħjar, huma ma naqsux milli jirringrazzaw lil Maltin tal-akkoljenza kif ukoll għas-solidarjetà li wrew lejn Jaiteh Lamin, f’dawn l-aħħar jiem. Dawn l-istess talbiet intbagħtu lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi, Dott. Byron Camilleri. 

YouTube video

It-talbiet tal-kommunità

Fost it-talbiet li għamlet din il-kommunità huma appellaw għal tibdil fil-qafas legali li jirregola l-ażil u l-immigrazzjoni fil-gżejjer Maltin, għaliex dak preżenti, “huwa kważi impossibbli, għall-biċċa l-kbira tal-immigranti li jifmhu d-drittijiet u l-proċeduri li għandhom isegwu biex jakkwistaw id-dokumenti u s-servizzi li jeħtieġu.” Għaldaqstant qed jitolbu għal pubblikazzjoni ta’ dokumenti ta’ informazzjoni li jkunu jistgħu jifmhu jew permezz ta’ ċentru t’informazzjoni akkoljenti. 

“Nitolbu lill-Gvern Malti jintroduċi mill-ġdid il-politka tal-Awtorizzazzjoni tar-Residenza Speċifika (SRA) u li bosta immigranti u applikanti għall-ażil li tilfu l-SRA tagħhom, sforz għat-tibdil fil-politika li ħabbret Identity Malta jingħataw l-SRA mill-ġdid,” saħqu l-kelliema. 

F’dan il-każ l-SRA tippermetti lil dawk li; għadhom qiegħdin jippruvaw japplikaw għall-ażil;  dawk li kienu jibbenefikaw mill-Protezzjoni Umanitarja Temporanja u dawk li ilhom jgħixu u jaħdmu Malta għal ammont ta’ żmien, jaċċessaw id-drittijiet bażiċi tagħhom bħall-kuratas-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u d-dritt tal-ivjaġġar.

Huma saħqu li l-membri tal-istaff tal-Aġenzija Identity Malta jirċievu taħriġ kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, id-diskors ta’ mibgħeda  u favur prattiċi produttivi fil-qasam tal-kommunikazzjoni interkulturali. 

Fl-aħħar huma talbu għad-dritt tal-isem u tan-nazzjonalità ta’ uliedhom, dritt imnaqqax fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda (1990). Għaldaqstant huma talbu favur ir-regolarizzazzjoni tal-Istat tat-tfal tal-immigranti u tal-applikanti għall-ażilbiex dawn jiksbu d-dokumentazzjoni uffiċċjali li jeħtieġu.  Huma saħqu ukoll li minkejja li huma jħallsu t-taxxa, mhumiex jingħataw ic-Children’s Allowance. 

Ekonomija

Sport