Sunday, December 29, 2024

ARA: Il-bdiewa u r-raħħala bi protesta storika wara aktar minn 40 sena

... Isostnu li mingħajrhom m'hemmx prodotti u lanqas futur

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Bdiewa u Raħħala Maltin wettqu protesta paċifika storika wara aktar minn 40 sena u dan hekk kif l-aħħar protesta li kienet saret minnhom kienet lura fl-1982.

Il-protesta qajmet interess nazzjonali hekk kif bosta kienu dawk li waqfu u ġibdu filmati tal-inġenji li qasmu bejn Ta’ Qali u l-Furjana f’serbut twil li kien assistit minn ammont sostanzjali ta’ uffiċjali tat-traffiku fosthom dawk minn Transport Malta, LESA u anke Pulizija.

Ir-raħħala u bdiewa Maltin ingħaqdu f’solidarjetà ma’ dawk minn pajjiżi Ewropej oħrajn bħalma huma Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Greċja, il-Belġju u il-Purtagall fost l-oħrajn li ilhom diversi ġranet u ġimgħat jipprotestaw quddiem sfidi kbar fl-operat tagħhom.

Fost il-folla kbira ta’ dawn il-bdiewa u raħħala niżel jiltaqa’ magħhom il-Prim Ministru Robert Abela li sema’ uħud mill-weġgħat tagħhom relatati mal-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw f’pajjiżna fosthom dawk relatati man-nixfa u nuqqas ta’ ilma għat-tisqija minħabba tqassim inġust tal-ilma tas-seqi, bejgħ ta’ prodotti mpurtati daqslikieku huma lokali, nuqqas ta’ ttestjar fuq prodotti impurtati minn barra meta kkumparat mat-testijiet li jsiru fuq il-prodotti mkabbrin minnhom u nuqqas ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jestendu l-produzzjoni b’aktar aktar agrikola fost l-oħrajn.

Barra minn hekk tkellem ukoll il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi li filwaqt li rringrazzja lill-istess bdiewa u raħħala li attendew b’vuċi soda li jeħtieġ li jingħataw widen, spjega li t-talbiet prinċipali tagħhom jaqgħu fuq erba’ pilastri prinċipali:

  • It-twaqqif ta’ prodotti impurtati minn pajjiżi barra mill-UE
  • Flessibiltà aktar wiesgħa fl-istate Aid biex il-gvern Malti jkun jista’ jgħin aħjar lill-bdiewa u r-raħħala Maltin.
  • Jitwaqqfu miżuri u regolamenti li jinċentivaw r-raba’ vojt u minflok il-flus imorru biex jassistu lil m
  • Li l-għanijiet u r-regolament relatati mal-GreenDeal ma jitwettqux sakemm ikun jista’ jiġi assigurat mitigazzjoni adattata għall-bdiewa u raħħala li se jkunu qegħdin jintlaqtu biha.

Aktar Kmieni: “Bla bdiewa … bla ikel … bla futur” … Din se tkun l-għajta tal-għadd kbir ta’ bdiewa li fl-aħħar ħin inġabru f’Ta’ Qali biex isemmgħu leħinhom hekk kif se jkunu qegħdin jibdew protesta sal-Belt Valletta.

Il-bdiewa se jkunu qegħdin jesprimu t-tħassib tagħhom għad-deċiżjonijiet li qiegħda tagħmel l-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-bdiewa. Il-bdiewa Maltin se jkunu qegħdin ikomplu ma’ bdiewa minn diversi pajjiżi oħra Ewropej li diġà bdew bil-protesti tagħhom biex isemmgħu leħinhom dwar l-isidi li qegħdin jaffaċċjaw fl-industrija tal-produzzjoni tal-ikel.

L-ikbar sfidi huma l-ispejjeż li qegħdin jaffaċċjaw u l-importazzjoni ta’ ikel li qiegħda taffettwa l-prezzijiet tal-prodotti li jipproduċu.

“Naħseb kulħadd jaqbel li l-prodott frisk u lokali huwa aħjar, frisk u għandu jingħata prijorità fuq dak li fih kimiċi minħabba l-proċess li jirrikjedi sakemm jasal għand il-konsumatur. Kulma rridu huma kundizzjonijiet sostenibbli li jħalluna naħdmu biex nkomplu nipproduċu prodotti li jirriflettu s-sigħat ta’ xogħol iebes kontra kull element li nagħmlu”, sostnew l-istess bdiewa Maltin.

Ekonomija

Sport