Friday, December 13, 2024

ARA: Il-boxing iħares lejh bħala sport li jsawru f’persuna iżjed indipendenti

… Luwk Barbara jirbaħ kompetizzjoni lokali tal-boxing f’Montekristo Estate

Aqra wkoll

“Kont nittrenja l-futbol, però, irrealizzajt li fil-futbol tiddependi ħafna fuq it-tim tiegħek; tiddependi ħafna fuq sħabek … fil-boxing tiddependi ħafna fuqek innifsek, skont kemm tittrenja inti; skont kemm taħdem għalik innifsek inti ħa tara r-riżultat fir-ring […] meta tkun qed tiġġieled”.

YouTube video

Enfasizza dwar dan Luwk Barbara, f’intervista li saritlu ma’ Talk.mt, ftit tal-jiem wara li rebaħ kompetizzjoni lokali tal-boxing. Luwk huwa żagħżugħ ta’ 17-il sena li nhar is-Sibt li għadda ħa sehem f’kompetizzjoni li saret f’Montekristo Estate, fejn rebaħ ġlieda boxing kontra l-avversarju tiegħu. Għal Luwk din kienet l-ewwel kompetizzjoni li qatt ħa sehem fiha s’issa minħabba l-fatt li huwa beda jitħarreġ fi żmien il-pandemija.

L-indipendenza u l-ġibda lejn il-boxing

Huwa qalilna li madwar erba’ snin ilu rifes għall-ewwel darba l-għatba tal-gym sakemm imbagħad sentejn wara qabad jitħarreġ fil-boxing bħala sport, b’xi waqfiet ‘l hemm u ‘l hawn minn żmien għall-ieħor. Minkejja li kien jipprattika l-futbol ukoll, huwa jippreferi l-boxing għaliex xtaq sport li jsawru f’persuna iżjed indipendenti.

Intant, huwa żied jgħid li kollox jiġi minnek: “Iktar ma tittrenja, iktar tagħmel benefiċċju għalik innifsek,” fejn fisser li essenzjalment fir-rigward ta’ dipendenza għall-boxing kulma teħtieġ huwa kowċ li jkun jista’ jidderiġik fil-qasam, iżda mbagħad trid tkun inti li taħdem, tittrenja u tkun dixxiplinat miegħek innifsek, għaliex huma dawn it-tliet karatteristċi li jgħinuk biex tikseb ir-riżultat mixtieq.

L-importanza tal-piż u l-esperjenza fl-għażla tal-ġellieda għall-kompetizzjonijiet

Ma’ Luwk tkellimna wkoll dwar il-preparamenti li jġibu magħhom kompetizzjonijiet ta’ dan it-tip. Huwa qalilna li l-ewwel pass huwa li jiġi stabbilit piż partikolari, anki minħabba li biex tieħu sehem f’kompetizzjoni jeħtieġ li taffaċċja avversarju li bejn wieħed u ieħor ikun tal-kalibru tiegħek, kemm bħala esperjenza kif ukoll bħala statura u piż. Għalhekk, fil-fażi bikrija, il-parteċipanti jridu jintiżnu u jiftiehmu l-piż.

Luwk spjega ma’ dan is-sit illi f’każ li inti tkun tiżen iktar mill-piż miftiehem, ikollok issegwi dieta partikolari. F’każijiet minnhom hemm min ikollu jsegwi dieta li tkun tikkonsisti f’laħam u bajd biss minħabba l-proteini, kif fil-fatt ġara lil Luwk, fejn kellu jelimina l-karboidrati minħabba li dawn iħaxxu. Qalilna wkoll li xi drabi jkun hemm każijiet fejn persuna li tipprattika dan l-isport ikollha tagħmel il-fasting — proċess fejn bażikament persuna tagħmel numru ta’ sigħat sajma.

Semma wkoll l-importanza tal-ilma bħala parti mid-dieta fejn fisser li dan isir minħabba li l-ilma tnaqqsu malajr, mhux bħal fil-każ tal-karboidrati. Sintendi, hawnhekk jidħlu ħafna l-prinċipji tad-dixxiplina u l-perseverenza, għaliex trid tkun sod miegħek innifsek biex ma taqax ma’ l-ewwel tentazzjoni; ma tistax toqgħod tillaxka biex tilħaq il-piż mixtieq.

“Ħa nibqa’ niġġieled żgur … jaf ikolli xi ġlied barra minn Malta”

“Ħa nibqa’ niġġieled żgur,” sostna Luwk b’ċerta determinazzjoni. Filwaqt li beħsiebu jaħtaf l-okkażjoni meta titfaċċa opportunità lokalment għal xi kompetizzjoni, huwa m’eskludiex il-possibbiltà li f’xi punt f’ħajtu jitħarreġ u saħansitra jikkompeti barra minn xtutna: “Ix-show li jmiss [hawn Malta] ħa nipprova nidħol fih, nara nsibx fighters il-weight tiegħi u tal-esperjenza tiegħi, ovvjament, u nkompli minn hemm … jaf ikolli xi training camps […] u xi ġlied barra minn Malta,” temm jgħidilha Luwk.

Ekonomija

Sport