Saturday, December 21, 2024

ARA: Il-GWU b’kisba għall-ħaddiema tad-detenzjoni u l-AWAS … skema ta’ benefiċċji għal dawk li jweġġgħu fuq ix-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Filmat: ALAN SALIBA

YouTube video

Il-ħaddiema tas-servizzi ta’ detenzjoni u l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ dawk li qed ifittxu l-Ażil (AWAS) se jibbenefikaw mill-iskema ta’ benefiċċji għal aċċidenti personali fuq ix-xogħol.

Dan wara taħdidiet bejn il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi u l-General Workers Union.

F’laqgħa li fiha kien issiġillat dan il-ftehim, il-Ministru Byron Camilleri fakkar li din kienet inizjattiva oħra ta’ dan il-Gvern favur il-ħaddiema.

Huwa qal li waqt li sal-lum ibbenefikaw minnha ħaddiema li huma membri tal-forzi tal-ordni, tad-dwana u oħrajn li jaħdmu fis-settur tas-saħħa issa se tkun estiża għall-ħaddiema fis-settur tal-immigrazzjoni.

“Aħna rridu u nippretendu l-aqwa servizz mill-ħaddiema tagħna f’kull post tax-xogħol. Iżda dak li hu tal-ħaddiem irridu nagħtuhulu wkoll. Kulħadd jaf li fl-aħħar ġimgħat kien hemm mumenti ta’ sfida għal dawn il-ħaddiema. Jien ridt li nieħdu ħsieb li jekk hemm dritt li jistgħu jikkwalifikaw għalih joħduh u dan hu wieħed minnhom”, żied il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima għall-Forzi Dixxiplinati tal-GWU Theo Vella laqa’ din id-deċiżjoni b’sodisfazzjon. 

Huwa irrimarka kif bosta ħaddiema se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skema li tagħti l-ħaddiema aktar serħan il-moħħ.

“Din id-deċiżjoni se ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema li n-natura tax-xogħol tagħhom huwa wieħed li jirrikjedi sagrifiċċji kbar. B’hekk din l-iskema se tkun ta’ appoġġ f’każ li jinqala’ xi aċċident waqt il-qadi ta’ dmirijiethom”, żied Vella.

Ekonomija

Sport