Saturday, December 14, 2024

ARA: “Il-GWU dejjem kienet katalista biex tixpruna t-titjib fid-dinja tax-xogħol”

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri

Aqra wkoll

Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-konferenza internazzjonali tal-GWU, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, saħaq li din l-organizzazzjoni tul l-eżistenza tagħha dejjem kienet katalista biex tixpruna t-titjib fid-dinja tax-xogħol.
“80 sena ta’ storja ta’ din l-akbar u l-aqwa unjin f’pajjiżna. 80 sena li sawru l-ħaddiem,” qal is-Sur Camilleri fid-diskors tiegħu li fih irrefera għat-tema tal-konferenza: GWU – Nibnu Futur Aħjar: Protezzjoni Soċjali, Dinjità, Innovazzjoni u Sostenibilità.

YouTube video

Huwa stqarr li l-protezzjoni soċjali hi dritt fundamentali u anke l-pern tal-GWU li kull ħaddiem ikollu aċċess għall-benefiċċju essenzjali tal-kura tas-saħħa, pagi ġusti u rtirar mistħoqq. Din tfisser ukoll li jiġu protetti l-vulnerabbli u l-emarġinati minn tbatijiet ekonomiċi.

“Trattament ġust, opportunitajiet indaqs u kwalunkwe azzjoni kontra kull forma ta’ distriminazzjoni huma neċessità biex il-ħaddiema tagħna jkollhom id-dinjità mistħoqqha fuq il-postijiet tax-xogħol,” tenna d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Huwa qal li l-GWU kienet dejjem fuq quddiem nett f’din il-ġlieda bla heda biex tħares dawn il-prinċipji u se tkompli tagħmel dan filwaqt li tassigura li d-dinjità tibqa’ fil-qalba tal-forza tax-xogħol tagħna.

Is-Sur Camilleri fisser l-innovazzjoni bħala l-mutur li se jixpruna l-progress u qal li t-tħaddim ta’ teknoloġiji ġodda għall-isfidi moderni huma essenzjali għall-eżistenza ta’ kull organizzazzjoni. “L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex il-ħaddiema jattrezzaw rwieħhom biex ikollom il-bibien tal-opportunitajiet miftuħa,” qal id-Deputat Segretarju Ġenerali.

Dwar is-sostenibilità, huwa qal li din mhijiex sempliċi buzzword. Tkellem dwar l-irwol tal-GWU fil-promozzjoni tas-sostenibilità fuq il-post tax-xogħol u lil hinn, li dan ifisser illi l-adozzjoni ta’ prattiċi ekoloġiċi, appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli u promozzjoni ta’ politiki li jipproteġu l-ambjent ta’ madwarna għall-ġenerazzjoni futuri se jkunu l-pilastri ta’ għada.

Huwa temm jgħid li l-GWU temmen bis-sħiħ li qatt daqs illum, il-ħaddiema tagħna għandhom jissieħbu f’unjin biex id-drittijiet li nkisbu ma jintilfux u jkunu preparati u attrezzati għal-futur tad-dinja tax-xogħol u l-isfidi li se tkun qed toffri.

Ekonomija

Sport