Tuesday, December 24, 2024

ARA: Il-Hephaestus jitniżżel fix-Xatt l-Aħmar skont il-wegħda tal-PDSA lill-Għawdxin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul il-jum numru ta’ persuni kienu involuti fi proċess biex il-bastiment Hephaetus tniżżel f’qiegħ il-baħar bħala attrazzjoni ġdida għall-għaddasa fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar f’Għawdex.

Dan is-sit tkellem ma’ Max Valli; is-sid ta’ Orange Shark fil-Mellieħa u s-Segretarju tal-Assoċjazzjoni għat-Tagħlim tal-Għads fuq livell Professjonali (PDSA) biex jispjegalna dwar l-involviment tiegħu.

Valli qalilna li l-PDSA kienet involuta sa mill-bidu tal-proċess li beda tliet snin ilu iżda li kellu jittardja minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Huwa qalilna li kollox beda bi żjarat ta’ spezzjonijiet għand Cassar Ship Repairs fejn bdew id-diskussjonijiet neċessarji anke biex jinfetħu ċertu toqob li jżidu s-sigurtà għall-għaddasa.

Il-PDSA mexxiet il-proġett kollu li sewa madwar €500,000  li kien jinvolvi diversi xogħlijiet fosthom tindif tal-bastiment, studji xjentifiċi f’qiegħ il-baħar, irmunkar, etċ.

Għall-ewwel il-ħsieb kien li l-bastiment jitniżżel bejn il-Qala u Kemmuna, iżda f’laqgħa konġunta bejn il-partijiet involuti fosthom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Transport Malta, Cassar Ship Repair, L-Assoċjazzjoni Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-PDSA ntlaħaq ftehim rigward ċertu riskju minħabba li ż-żona tkun pjuttost traffikuża f’dan iż-żmien. Ma kienx hemm alternattiva oħra minħabba l-fatt li l-PDSA kienet wegħdet lill-Għawdxin li dan il-bastiment jitniżżel f’Għawdex.

Il-proċess kien jinkludi diversi sigħat li beda sa minn kmieni filgħodu bl-irmonk sad-destinazzjoni tax-Xatt l-Aħmar fejn saru l-preparament meħtieġa biex għall-ħabta tas-1:00 p.m beda jitniżżel il-bastiment sakemm ftit tal-minuti wara deher jgħib minn wiċċ il-baħar filwaqt li għereq kompletament.

Rigward l-attrazzjoni l-ġdida u l-importanza għas-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari għall-għaddasa, Valli qal li l-PDSA tinsab verament sodisfatta bil-mod kif tmexxa l-pjan minħabba li fil-passat biex jitniżżel bastiment kien jieħu snin twal. Valli qal li mingħajr l-ebda dubju attrazzjonijiet bħal dawn iżidu l-interess ta’ eluf ta’ turisti li jiġu f’pajjiżna biex igawdu dawn ix-xeni spettakolari taħt il-baħar.

Valli rringrazzja lil dawk kollha involuti fosthom lill-Fritz Farrugia bħala d-Deputat Harbour Master li mexxa b’kordinazzjoni mal-bqija tal-partijiet involuti fosthom Chris Cassar u l-bqija tat-tim ta’ Cassar Ship Repair fil-Marsa.

Ekonomija

Sport