Vincent Marmara jispjega dwar l-impatt tal-avvenimenti l-kbar fuq l-istħarriġ
Il-pajjiż jgħaddi minn diversi avvenimenti żgħar u oħrajn akbar li jħallu mpatt kbir fuq il-poplu. Ftit ġimgħat bogħod minn elezzjoni ġenerali dan is-sit tkellem mal-istatistiku Vincent Marmara biex jispjegalna dwar dawn il-fatturi u l-impatt fuq l-istatistika tal-istħarriġ.
Marmara tkellem dwar il-pandemija li ħolqot ħafna kontroversji u inċertezzi. Huwa qal li għalkemm fil-bidu kellek il-maġġoranza tal-poplu li laqgħet id-deċiżjonijiet li kienu qegħdin jittieħdu bil-għan li titrażżan l-imxija, maż-żmien din tibda taħdem kontra t-tmexxija bil-poplu li jista’ saħansitra jirribella minħabba ċertu deċiżjonijiet li jġibu dwejjaq bħalma huma r-restrizzjonijiet jew sitwazzjonijiet ta’ mard.
L-istatistiku madankollu spjega li skont stħarriġ li sar fl-aħħar xhur, wieħed jista’ jara li fil-maġġoranza assoluta tal-poplu, il-gvern aġixxa b’mod tajjeb fil-biċċa l-kbira taċ-ċirkostanzi fir-rigward tal-pandemija.
“Allura minkejja li m’hemmx dubju li l-pandemija hija l-akbar sfida u l-akbar inkwiet li għandu l-poplu, fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu jgħidlek li bħala gvern ħa ħsieb lill-poplu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida”, jkompli Marmara.
L-istatistiku jikkjarifika li l-element tal-inċertezza jista’ jikkawża xaqlib favur jew kontra ż-żewġ partiti. Fost l-aspetti li jistgħu jwasslu għal aktar probabbilità għal dan ix-xaqlib hemm l-inċertezza ekonomika u kif din tista’ taffettwa l-impjiegi u sussegwentament id-dħul tal-persuna. “Hemmhekk jista’ jkollok probabbiltà akbar li dawk l-ammont ta’ nies li jgħidu li ma jivvutawx jiżdied u anke dawk li jkunu inċerti jekk jivvutawx jew le jiżdied ukoll minħabba dawn il-fatturi partikolari”, temm jispjega ma’ Talk.mt Marmara.
Stħarriġ ippubblikat minn IT-TORĊA lbieraħ juri li li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 56.0% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 42.4%. L-ADPD jew partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.6% tal-elettorat. Dr Marmara spjega li huwa jasal għal dan ir-riżultat meta japplika l-Multiple Imputation Technique, jiġifieri sostituzzjoni xjentifika għal dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew jgħidu li huma indeċiżi dwar lil min ser jagħtu l-vot tagħhom.