Sunday, December 22, 2024

ARA: “Il-prezz għandu jkun ibbażat fuq il-produttività tal-art agrikola”

Il-bdiewa ottimisti dwar ir-riforma fil-qasam tar-raba’ li se tiddistingwi fuq it-titlu tagħhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hija riforma rivoluzjonarja u fl-aħħar, ngħid jiena, qiegħda tingħata l-importanza mistħoqqa lis-settur tal-produzzjoni tal-ikel. Naħseb li din ir-riforma aktar minn xejn qiegħda toħloq struttura biex ir-riżorsi li hemm bżonn biex il-produzzjoni tal-ikel tissaħħaħ, ikunu hemmhekk. 

YouTube video

Filmat: Alan Saliba

Iddikjara dan ir-rappreżentant tal-Għaqda Bdiewa Attivi f’reazzjoni ma’ talk.mt rigward it-tnedija tar-riforma fil-qasam tar-raba’.

Il-bdiewa pożittivi u ħerqana biex ikunu jafu l-prezz

Mistoqsi dwar l-ewwel reazzjoni tal-bdiewa li tkellem magħhom, Borg qal li dawk li tkellem magħhom s’issa, dehru pożittivi ħafna u kulħadd jinsab ħerqan biex jara xi prezz se jkun qiegħed joħroġ.

“L-eżerċizzju tal-prezz se jħoll u jorbot … b’ċertu prezzijiet il-bdiewa ma jibqgħalhom xejn fil-but”

Malcolm Borg

“Il-prezz huwa eżerċizzju li għadu qiegħed isir. S’issa il-periti tal-Qorti kienu qegħdin iqabblu r-raba’ tal-madwar u jaraw b’liema prezzijiet ikunu nbiegħu. Il-prezz intefaħ ħafna minħabba li l-periti jużaw dan il-metodu. Dan il-prezz żdied għax hawn domanda kbira għal żoni ħodor fejn għandek persuni li huma lesti u jifilħu jħallsu ċertu prezz għal raba’ mhux għal skopijiet ta’ kultivazzjoni tal-ikel”, kompla jispjega Borg filwaqt li qal li dan kollu xeħet piż żejjed fuq bdiewa ġenwini li ma jifilħux jħallsu tali prezzijiet.

Xhud fil-kawżi bejn is-sid u l-bdiewa

Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal li konxju li hemm mal-100 kawża pendenti bejn sidien u bdiewa, li għaddejjin b’argumenti legali minħabba nuqqas ta’ qbil fuq il-prezz tal-kirjiet. Dwar dawn, Borg qal li hu konxju u huwa wkoll attiv f’ħafna minn dawn il-kawżi bħala xhud. 

Ir-rappreżentant tal-Għaqda tal-bdiewa qal li hu fix-xhieda tiegħu dejjem jisħaq li l-prezz għandu jiġi kkalkulat fuq il-produttività tal-art u kemm dik l-art kapaċi tqalla flus lill-bidwi. Huwa qal li f’pajjiżi oħra, dan il-metodu jintuża u għalhekk il-prezz ikun ikkalkulat fuq prinċipji agronomiċi li jwasslu għal prezz raġjonevoli ħafna għall-bdiewa. 

Metodu ta’ valutazzjoni skont il-produttività

Huwa spjegalna li skont il-metodu tal-periti bħalissa, li fil-preżent jgħid li tomna raba’ hu stmat madwar €80,000, il-bidwi jekk ikollu jħallas kirja ta’ 1.5 fil-mija ta’ dan l-ammont, dan il-prezz huwa wieħed li żgur li ma jiflaħx iħallsu. Il-prezz huwa wieħed lil hinn minn agrikoltura sostenibbli għax b’dawk il-prezzijiet il-bidwi se jkun qiegħed jidħol għal xogħol li jaf li se jħallilu telf. Madanakollu b’dan il-kalkolu suġġerit tal-produttività, il-bidwi se jkun qiegħed jidħol għal xogħol li se jħallilu xi ħaġa fil-but.

Il-Ministru aċċenna għal diversi drabi li din hija White Paper li se tiddistingwi bejn bdiewa ġenwini u dawk li jabbużaw mit-titolu. Il-Ministru Refalo tkellem dwar abbużi ta’ persuni li jixtru r-raba’ u jduru ma’ dan it-titlu biex jakkwistaw permess ta’ xi kamra fl-istess proprjetà. Dwar dan, Borg qal li l-bdiewa jiddispjaċihom immens quddiem dawn l-abbużi, għax ħafna drabi kienu qed jiġu diskriminati minħabba talbiet għal kmamar li jkollhom bżonn għall-inġenji biex jaħdmu ċertu raba’.

“Li se tiddistingwi bejniethom, intlaqat tajjeb ħafna għax fil-verità hawn spettru kbir ta’ bdiewa li jvarja minn bdiewa full time li jaqilgħu l-għajxien sħiħ mir-raba’, bdiewa part time ġenwini, bdiewa dilettanti li jilagħbu xi daqsxejn fir-raba’ u jkabbru prodotti għalihom u dawk li għandhom ir-raba’ u li ma jagħmlu xejn bih”, spjega magħna Borg.

Irid jiġi stabbilt fuq liema prezz il-bidwi se jintalab iħallas il-persentaġġ

Rigward id-dikjarazzjoni tal-Ministru Refalo rigward il-prezz li ma jaqbiżx il-1.5 fil-mija tal-valutazzjoni tal-art, Borg qal li hemm bżonn li din tkun iżjed ċara għall-bdiewa u li dawn jingħataw garanzija li dawn mhux se jkunu qegħdin jintalbu l-prezz skont is-suq li ħafna drabi qiegħed jikkundanna lill-bdiewa tagħna b’dannu għas-settur tal-produzzjoni tal-ikel. 

“Biex nagħtu eżempju jekk qegħdin tliet bdiewa ħdejn xulxin. B’żewġ biċċiet raba’ li jkunu nbigħu fl-aħħar xhur b’valur ta’ €100,000 u €80,000, il-periti fil-Qorti qed jersqu b’valutazzjoni ta’ madwar €85,000”, kompla biex jgħid Borg. 

Dwar din l-inċertezza min-naħa tal-bdiewa, il-Ministru lbieraħ ikkwota l-emenda fl-Att dwar it-tiġdid ta’ kiri ta’ raba proposta li tissuġġerixxi li art agrikola tiġi stmata bħala art agrikola u mhux skont l-ekonomija tas-suq tal-artijiet ġenerali. Barra minn hekk l-emenda tissuġġerixxi li l-kumpens dovut lis-sid jiġi stmat oġġettivament u jirrelata mal-art inkwistjoni mingħajr irbit mal-kundizzjonijiet ta’ għelieqi oħrajn viċin kif kienet sal-lum. Dan se jkun ifisser li jekk din l-emenda tiġi approvata se jkunu qegħdin jitnaqqsu ċertu abbużi fejn s’issa kellek kuntratturi li qegħdin iwasslu biex dawn il-prezzijiet jogħlew minħabba raba’ li tinxtara għal skopijiet mhux ta’ kultivazzjoni.

Se jkollok sidien li jilmentaw

Ir-rappreżentant tal-Bdiewa qal li ħaġa oħra li trid tittieħed inkunsiderazzjoni hija l-fatt li b’dan il-metodu l-ġdid tal-valutazzjoni se jkollok sidien li se jilmentaw minħabba li skonthom se jkunu qegħdin idaħħlu valur inqas minn dak tas-suq tal-artijiet inġenerali u dan minħabba dak li hemm imniżżel iswed fuq l-abjad fuq l-istess dokument preżentat ilbieraħ.

Fl-aħħar nett huwa għalaq jgħid magħna li jħares ’il quddiem biex dak kollu li bħala rappreżentant, flimkien ma’ membri oħrajn tal-Għaqda Bdiewa Attivi ilhom żmien twil jisħqu dwarhom, fl-aħħar ikunu approvati u jkunu jistgħu jiġu implimentanti b’tali mod li jieqfu l-inġustizzji fil-konfront tan-nies li jipproduċulna l-ikel. 

Ekonomija

Sport