Saturday, December 21, 2024

ARA: Il-proposti tal-GWU għall-Budget 2024

“Kruċjali għall-Gvern li jilħaq kunsens li jrawwem tkabbir inklussiv” - is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

“Ninsabu f’era ta’ inċertezza globali kbira, bil-Gvern qed jaffaċċja deċiżjonijiet kritiċi li se jsawru b’mod sinjfikanti l-qabża li jrid jagħmel pajjiżna. Dan il-budget għandu jservi ta’ riflessjoni għall-prijoritajiet, il-valuri u l-impenn tagħna għall-ġid tas-soċjetà inġenerali. Huwa kruċjali għall-Gvern li jilħaq kunsens li jrawwem tkabbir inklussiv, l-ekwità soċjali u s-sostenibbilità fit-tul.”

Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja meta lbieraħ ippreżenta l-proposti tal-GWU għall-Budget 2024. Dan id-dokument li huwa maqsum f’diversi taqsimiet jibda billi jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż.

YouTube video

Waħda mill-proposti elenkati f’dan id-dokument hi dwar mekkaniżmu li jistabbilizza l-prezzijiet speċjalmemt dawk tal-ikel. Il-GWU qiegħda tgħid li imprendituri u ħwienet, importaturi ta’ affarijiet tal-ikel, għandhom jingħataw soft loans min-naħa tal-Malta Development Bank bil-ftehim li għal żmien sena ma jbiddlux il-prezzijiet tagħhom.

Proposti li tinsisti fuqha l-GWU hi l-ħtieġa li jibqa’ jassorbi d-differenza fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils u ċ-ċereali. “Nemmnu li jekk irridu nkomplu nirkupraw b’rata mgħaġġla u biex nikkontrollaw aktar l-inflazzjoni huwa essenzjali li l-Gvern jibqa’ jħallas dik id-differenza,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Il-GWU ressqet diversi proposti dwar is-settur turistiku u l-ħtieġa tal-introduzzjoni tal-iskill cards fil-karrieri li għandha tgħin biex jersqu aktar żgħażagħ lejn is-settur u jiżdiedu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Il-GWU titkellem dwar niċeċ ġodda ta’ turiżmu fosthom dak reliġjuż, biex ikun hemm diversifikazzjoni fil-kwalità tat-turisti.

Il-GWU ressqet ukoll proposti speċifiċi dwar is-saħħa mentali, id-dinja ġdida tax-xogħol u l-avvanzi teknoloġiċi. L-unjin qiegħda tipproponi li jkun hemm fond dwar l-innovazzjoni u li naraw kif l-aħjar nilħqu bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħin privat tal-persuna.

Il-GWU titkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nibnu soċjetà aktar inklussiva fuq il-postijiet tax-xogħol. Huwa meħtieġ li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni. Il-GWU qiegħda tipproponi wkoll ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-liġijiet attwali dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali biex jilqgħu għal ekonomija li kontinwament qiegħda tinbidel.

Proposti oħra jinkludu li jkun introdott qafas legali ġdid tat-telework u r-remote working, li x-xogħol kollu li jsir nhar ta’ Ħadd jitħallas bir-rata ta’ ħlas doppju għal kull siegħa xogħol irrispettivament mis-settur, li f’kull post tax-xogħol ikun hemm first aider speċjalizzat fuq is-saħħa mentali.

Qed ikun propost ukoll li l-ammont ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li għandu jitħallas għandu jiġi kkalkulat mill-età ta’ 16-il sena ´l quddiem. Bħalissa bejn l-età ta’ 16 sa 18-il sena mhumiex ikkalkulati.

Dan filwaqt li l-pensjoni tat-teżor tal-uffiċjali tal-forzi dixxiplinati kollha tiżdied bil-COLA kull sena mill-2024 u aġġustata skont il-ftehim kollettiv u s-salarju bażiku tal-grad u l-iskala li fih dak l-impjegat kien fil-ġurnata ta’ qabel l-irtirar tiegħu.

Il-GWU qalet li tinsab sodisfatta li l-Gvern daħħal żewġ miżuri li ressqet dik ta’ żieda fil-pensjoni ta’ 23% għal dawk li jibqgħu jagħtu servizz fil-korpi dixxiplinati wara 25 sena servizz u għal dawk li jibqgħu wara d-29 sena servizz l-iskema ta’ 50% tal-paga bażika għal erba’ snin u l-miżura l-oħra ta’ pensjoni tas-servizz għal ħames snin lir-romol ta’ uffiċjali tal-Korp Dixxiplinari li jmutu qabel ma jtemmu 25 sena servizz jew matul il-perjodu bejn it-tmiem tas-servizz u l-età tal-irtirar.

Proposta oħra hi li kuntratti definiti jekk ma jiġux estiżi u terġa’ tinħoloq vakanza allura dak il-ħaddiem għandu dritt għal dik il-pozizzjoni. Tipproponi wkoll li f’kull post tax-xogħol ikun hemm Mental Health First Aider barra l-First Aider.

Jissemma wkoll il-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol tal-istess valur. Ħaddiema tal-kuntrattur jew capping fuq kemm jista’ jkun hemm ħaddiema tal-kuntrattur f’post tax-xogħol.

Il-benefiċċju għat-tkomplija ta’ żvilupp personali. Aktar proposti jinkludu dawn li ġejjin:

  • Ir-rata ta’ taxxa fuq l-overtime għandha tkun estiża wkoll fuq l-allowances u jitneħħa l-capping ta’ €10,000.
  • Child care facilities u Kliniċi medika fiż-Żoni Industrijali.
  • COLA – Aġġustament għall-Għoli tal-Ħajja u ċaqliq ta’ tax bends biex il-COLA ma tiġix intaxxata.
  • Arranġamenti ta’ Ħidma Flessibbli. Performance bonus u commission jiġu meqjusa għall-finijiet ta’ bolla u allura anke ta’ pensjoni.
  • Assigurazzjoni fuq il-ħaddiem f’każ ta’ inċident speċjalment f’postijiet ta’ kostruzzjoni u xogħol meqjus perikuluż.
  • L-isħubija Awtomatika ta’ Trade Union tal-għażla tiegħek.
  • Ir-regolarizzazzjoni tal-Permessi tax-Xogħol.
  • L-importanza tal-National Skills Council biex jibdew jiġu kkalkulati l-esperjenza u l-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema.
  • Leave Specjali mħallas ta’ mard għal nisa li jesperjenzaw korriment. Dan il-leave tal-mard ta’ kompassjoni għandu l-għan li joffri appoġġ matul dan iż-żmien diffiċli u ta’ sfida ta’ telf, billi jirrikonoxxi l-effett emozzjonali u fiżiku li jieħu fuq l-omm.
  • Ikomplu jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-passat bħal każi fost oħrajn tal-eks ħaddiema tal-gas board u tal-Verdala.
  • Tkomplija tal-iskema ta’ ħlas għall-mard u mwiet relatati mal-asbestos.

Soċjetà Ġusta

In-National Living Income għandhaa titpoġġa fuq l-agenda Nazzjonali.
It-Tieni mekkaniżmu tal-COLA.

Id-diskussjonijiet dwar il-Minimum u pagi baxxi.

Sistema Ġudizzjarja – Dewmien esaġerat iwassal għal Justice delayed is Justice denied. Il-GWU qiegħda titlob l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ żmien raġonevoli iżda riġidu għad-deċiżjoni ta’ kawzi.

“Hija essenzjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ każijiet ta’ dewmien fil-qrati tagħna. Barra minn hekk għandu jkun hemm żieda fil-baġit għall-investiment fis-sistemi teknoloġiċi, l-effiċjenza, ir-responsabbiltà, id-diġitalizzazzjoni u r-riżorsi umani fi ħdan l-aġenzija tal-qorti.”

Akkomodazzjoni Soċjali

Skont studji li saru dan l-aħħar juru li dawk fuq il-minimum wage huma eskluzi mill-property market. Għalhekk, il-GWU qiegħda tipproponi li l-Gvern għandu jagħti sussidju ta’ 75% tal-kera lil dawn il-persuni.

Qed tipproponi wkoll li l-Iskema ta’ Ekwità għandha tiġi estiża wkoll għal dawk il-persuni taħt l-età ta’ 30 sena. Li tkompli t-tisħiħ tal-pensjonijiet u titneħħa l-anomalija ta’ dawk li twieldu qabel u wara 1962.

  • Tkompli u tintensifika aktar il-ħidma biex kull ewro ta’ kontribuzzjonijiet soċjali tinġabar mill-Gvern.
  • Aktar inċentivi biex aktar ħaddiema jibdew fond ta’ pensjoni privati kemm individwali u kollettivi.
  • Anzjanità Attiva – Flexi employment għal dawk bejn l-età ta’ 61 sena u 65 sena.
  • Miżuri biex persuni b’diżabbiltà jidħlu f’dinja ta’ xogħol u li jiġu mwieżna jekk ma jistgġux jaħdmu.

Żgħażagħ u Edukazzjoni

L-edukazzjoni hija l-pedament tal-iżvilupp ta’ soċjetà u t-tkabbir ekonomiku. Essenzjalment, l-ebda pajjiż ma jista’ jikseb żvilupp ekonomiku sostenibbli mingħajr investiment sostanzjali fir-riżorsi umani. L-edukazzjoni hija investiment dirett fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

Il-GWU qed tipproponi żieda fl-għotjiet jew self b’imgħax baxx għall-intraprendituri żgħażagħ biex ninkoraġġixxu startups innovattivi u negozji żgħar, li jistgħu jmexxu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

Żieda fl-għotjiet għaż-żgħażagħ biex jieħdu sehem fi programmi sportivi.

Skema ta’ Apprentistati

Il-kurrikuli tal-iskola għandhom jirriflettu r-realtà tal-lum u jridu jiġu adattati għar-rekwiżiti tad-dinja l-ġdida tax-xogħol.

Huwa ċertament importanti li nirrikonoxxu r-responsabbiltajiet sinifikanti u l-ammont kbir ta’ xogħol li l-għalliema għandhom. Għalhekk biex inħajru aktar persuni jersqu lejn dan ix-xogħol, il-GWU tippropooni żieda u benefiċċji aħjar bħall-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali, distribuzzjoni tal-piż tax-xogħol, u l-appoġġ ġenerali pprovdut lill-edukaturi.

L-iskema tal-kolazzjon b’xejn, 3-16 club u skola tas-sajf għandhom isiru obbligatorji għall-iskejjel kollha inklużi dawk privati.

L-attività fiżika u l-edukazzjoni nutrittiva fl-iskejjel, għandhom ikunu parti integrali mill-kurrikulu.

Il-kurrikulu edukattiv għandu jiffoka wkoll fuq transversal skills.

Hemm bżonn urġenti ta’ ħaddiema ta’ snajja’. F’setturi kollha tal-ekonomija tinħass il-ħtieġa ta’ nies b’ħiliet. Għalhekk qed nipproponu l-ftuħ ta’ skejjel ta’ snajja’.

L-ambjent  

  • Infurzar tal-liġijiet eżistenti, dwar bini, ħsejjes u tniġġiż tal-arja.
  • Skills card għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni.
  • Nipproteġu l-estetika tal-irħula u l-ibliet tagħna u l-ODZ.
  • Nipproteġu l-ilma fil-water table.
  • Kumpens għall-ħwienet u familji meta tinqala’ triq u ddum biex issir.
  • Transport pubbliku aktar fil-ħin u frekwenti. Dan iwassal biex jiżdied aktar l-użu tiegħu.
  • Mezzi alternattivi ta’ trasport tal-massa speċjalment bil-baħar.
  • Ekonomija Ħadra – Investiment sostenibbli, taħriġ għall-ħaddiema li jigu affettwati f’transizzjoni.
  • Użu alternattiv tal-fjuwil tal-Idroġenu.
  • Investiment fl-Infrastruttura Essenzjali bħal distribuzzjoni ta’ dawl u sistema ta’ dranaġġ.
  • Skemi biex familji jaddattaw water purifier biex tinqata’ dipendenza fuq l-flixkien tal-plastik.
  • Kampanja edukattiva dwar ikel bnin u ngħixu ħajja sana.

Għawdex

Il-GWU taqbel mal-poltika mnedija mill-Gvern dwar Għawdex.
“Nemmnu dwar il-konservazzjoni tal-karatteristiċi distinti ta’ Għawdex u ż-żamma ta’ sbuħija naturali tiegħu.”

  • Villa Rundle, għandha tingħata l-akbar prijorità.
  • Espansjoni tal-park maġenb il-grawnd ta’ Għawdex
  • L-ispazju miftuħ ħdejn il-fanal fl-Għasri għandu jiġi msebbaħ u jsir aċċessibbli għall-pubbliku.
  • Għandha tingħata prijorità lit-tlestija taċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex u l-bini mill-ġdid tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

GWU – Nibnu Futur Aħjar

Sadanittant, il-General Workers’ Union tat ukoll dettalji dwar il-konferenza internazzjonali li se ttella’ fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

L-ewwel sessjoni, li se ssir fl-4 ta’ Ottubru, se tibda b’diskors mill-President tal-GWU Victor Carachi, segwit minn filmat dwar l-istorja tal-GWU. Se jsiru wkoll diskorsi mill-Membru Parlamentari Ivan Castillo u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Diskorsi oħra se jsiru mis-Segretarju Konfederali tal-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Ewropej Giulio Romani, mis-Segretarju Ġenerali ta’ CGIL Maurizio Landini u mill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Oliver Ropke.

Sussegwentement isiru diskorsi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, mill-Prim Ministru Robert Abela u mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

It-tieni sessjoni, li se ssir l-għada l-Ħamis, se tkun indirizzata mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, David Spiteri Gingell (Former Chair – Pensions Reform Group) u Kenneth Genovese (Head Investment Distribution – APS Bank).

Se jsir ukoll iffirmar ta’ diversi MOUs, bil-konferenza tintemm b’diskors mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. Wara jsir it-tqegħid tal-fjuri fuq il-monument tal-Ħaddiema fl-Imsida.

Ekonomija

Sport