L-MEP Cyrus Engerer f’kumment lil Talk.mt qal li l-korruzzjoni hi ħażina dejjem u kullimkien. “Il-mument li jkun hemm xi ħadd jinqabad b’korruzzjoni immedjatament kif qed naraw fil-PE jittieħdu l-passi sabiex dik il-persuna ma tkomplix dak li tagħmel u titneħħa wkoll mir-rwoli kollha li jkollha.”
“Ħadna passi immedjati bħala Grupp tas-Soċjalisti u bħala PE. Irridu nagħmlu numru ta’ inizjattivi li permezz tagħhom innaqqsu ċ-ċans illi xi ħadd jikkorrompi ruħu,” qal Engerer.
Huwa qal li ilu għal żmien twil jisħaq fuq reġistru ta’ trasparenza mandatorju għall-Membri Parlamentari Ewropej kollha, Kummissarji Ewropej u nies li jaħdmu mal-membri tal-pe u anke fil-Kunsill u rappreżentanzi permanenti tal-pajjiżi differenti fl-UE.
“Il-fatt li tippubblika l-laqgħat li jkollok iservi ta’ deterrent biex ma jkunx hemm laqgħat kontra l-liġi. Sa mill-ewwel ġurnata kull laqgħa li kelli fl-uffiċċju tiegħi, f’Malta, Belġju u Strasburgu, elenkati fil-website tiegħi u f’tal-Parlament Ewropew,” qal Engerer.
“Irridu PE li jmur kontra kwalunkwe tebgħa ta’ korruzzjoni li hemm? Biex naslu hemm irridu nneħħu kull tip ta’ dubju. Biex inneħħu dubju ma jistax ikun hemm qbil li jsir wara bibien magħluqa imma pubbliku.”
Tenna li rridu nieħdu din it-tagħlima bħala opportunità biex inbiddlu l-mod ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew.
Il-każ ta’ Kaili…
It-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jtemm il-mandat tal-Viċi President Eva Kaili. Dan wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Griega flimkien ma’ tliet suspettati oħra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew akkużata b’korruzzjoni wara sejba ta’ madwar €1.5 miljun fi flus kontanti fil-pussess tagħhom. Dan l-iskandlu heżżeż il-blokk Ewropew b’sitwazzjoni deskritta tal-mistħija bil-President tal-PE Roberta Metsola tqis dawn il-ġranet bħala żmien diffiċli għad-demokrazija Ewropea.