Saturday, December 21, 2024

Ara: “Infaqna kulma kellna u qed niddejnu bit-tama li nirbħu kontra l-kanċer”

Familja fil-Mosta titlob l-għajnuna tal-pubbliku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qatt ma bsarna li se naslu s’hawn, qegħdin niddejnu kuljum bit-tama li żewġi jibqa’ jiġġieled lil din il-marda tant kiefra li ma turi l-ebda sinjal ta’ rassenjazzjoni”. Hekk bdiet biex tgħid ma’ talk.mt Marica Galea, mart Paul Galea li ilu għal dawn l-aħħar disa’ snin jissielet kontra l-kanċer.

Kien proprju fl-2012 li Paul sar jaf li kellu kanċer u b’xorti tajba dan irnexxielu jegħlbu fi ftit xhur grazzi għal trattament f’pajjiżna. Minn hemm bdew ħames snin ta’ follow-ups li fihom il-familja kienet talbet li jsir MRI għal aktar minn darba, bil-professjonisti jgħidu li ma kienx hemm għalfejn. Ġara iżda li wara dawn il-ħames snin, Paul beda jħoss sintomi anormali u fi żmien ftit ġimgħat kellu jiġi operat darbtejn.

YouTube video

L-operazzjonijiet u l-biopsies li kienu saru (f’widnejh u f’għonqu) pożittivi u kien intqalilhom li ma kien hemm xejn ħażin. Iżda wara ftit jiem, beda jћoss qisha bħal darsa tiela u barra minn hekk, f’ħalqu bdiet tidher massa bajda forma ta’ sinna. Il-familja Galea mill-ġdid fittxet l-għajnuna u rċevew l-aħbar li għalkemm ħassew li kienu se jirċievu, bħal qatt ma xtaqu li tkun il-verità wara dawn is-sintomi. Paul kien żviluppa kanċer ieħor rari ħafna (Adenoid cystic carcinoma skull base) li kien diġà infirixlu f’rasu. 

Il-professjonisti tas-saħħa Maltin ma kinux riedu jibagħtu lil Paul barra minn Malta u offrewlu trattament f’pajjiżna li kien se jħalli ħsara permanenti. Skont Marica t-trattament tal-Chemotherapy li kien offrut mhux biss ma kienx adattat, iżda saħansitra ma kellux effett fuq dan it-tip ta’ kanċer. Dan ifisser li Paul kien se jitlef id-dawl t’għajnejh b’raġġi li lanqas biss kienu se jkunu biżżejjed biex ir-raġel ikun jista’ jeqred dan il-kanċer.

Is-soluzzjoni li kien baqa’ kienet dik li jsiefru għal parir barra minn xtutna, iżda minn hawn bdiet spiża li titla bil-minuti mhux bis-sigħat. Minkejja li bdew l-ispejjeż, professur f’Londra kien offra lill-familja Galea trattament li kien aktar sigur u li ma kienx se jaffettwa l-vista tal-pazjent. Dan il-professur kien beda jipprova jikkuntattja lill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin, iżda minkejja diversi emails li ntbagħtu, ma kien hemm l-ebda rispons mingħand dawn tal-aħħar. It-trattament f’Londra kien qiegħed jaħdem u minkejja li t-tumur ma setax jitneħħa kompletament kien ġie kkontrollat u naqas drastikament. Marica tkompli tgħidilna li ta’ min tagħmilha ċara li dak iż-żmien kienet sabet spalla mingħand Puttinu Cares u l-Malta Community Chest Fund. Hija żiedet li dawn l-għaqdiet kienu ta’ għajnuna fejn tidħol akkomodazzjoni għal xi perjodu, iżda sfortunatament bħala għajnuna finanzjarja kien hemm persentaġġ żgħir tan-nefqa li bdiet tiela’ bl-eluf b’viżjoni waħda quddiem għajnejhom; li Paul jibqa’ magħhom biex igawduh.

Fl-2020 Paul ingħata l-aħbar li t-tumur kien reġa’ qabad jirbaħ fuq Paul u beda jikber mill-ġdid. Il-familja kellha mill-ġdid titlaq lejn il-Ġermanja minn butha għax f’pajjiżna ġiet offruta operazzjoni invażiva u ta’ riskju kbir li l-familja ma setgħet qatt taċċetta. Ir-raġuni għalfejn il-Ġermanja kienet minħabba li l-professjonisti f’Londra kienu qalulu li ma kienx għad hemm aktar xi jsir min-naħa tagħhom.

B’dan it-trattament, Paul għalkemm kien baqa’ fit-tama li jibqa’ jissielet għal ħajtu minħabba li b’interventi li sarulu l-kanċer kien nixiflu, issa kellu problema li bdiet tawwarlu l-ferita li kellu; spiċċa jiddejjen ma’ familtu bit-tama li jfiq u jkun jista’ jerġa’ jibda jħallas dejnu. 

F’Jannar ta’ din is-sena Marica u żewġha telgħu mill-ġdid il-Ġermanja għal follow-up visit, biex inkunu ċerti li kollox jinsab sewwa, wara li f’ Ottubru tas- sena l-oħra l-kanċer li kien hemm f’rasu ġie ddikkjarat imfejjaq mill-professur tal-Ġermanja. Iżda wara full body scan, irriżulta li hemm tumur ieħor kbir fil-fwied li ma kinux qed jistennew. “Ma kellniex għażla oħra imma li nibdew it-trattament l-għada stess għaliex ir-raġel tiegħi kien jinsab f’sitwazzjoni kritika”, kompliet Marica.

Għal darb’oħra reġgħu bdew tilgħin kull erba’ ġimgħat għat-trattament b’kollox minn butna. It-trattament sa issa qiegħed jagħti riżultati tajbin iżda għad hemm triq twila, li l-familha ma tafx minn fejn se ġġib il-flus biex tħallas l-ispejjeż. Għal darb’oħra, minħabba din il-problema reġgħu ttamaw fl-awtoritajiet Maltin u għalhekk reġgħu kellmu professur Malti biex it-trattament jiġi segwit minn hawn Malta. Il-professur, meta muri s-CT scans li saru fil-Ġermanja, ikkontradixxa l-verżjoni li ngħataw fil-Ġermanja u b’hekk għażlu li jmorru għand professur Malti ieħor biex jikkonfermaw min kien qiegħed jurihom it-triq it-tajba. Irriżulta li l-verżjoni tal-professur Ġermaniż kienet it-tajba. Marica hawnhekk għamilitha ċara li ta’ dan kollu li qiegħda ssemmi għandha l-evidenza x’tippreżenta għalkemm dawn ir-rapporti aktar qegħdin jxekkluhom milli jgħinuhom f’dan il-perjodu ta’ għawġ.

Meta mistoqsija minn din dan is-sit x’wassalhom biex jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku, il-familja Galea qalitilna li qatt ma ħasbu li kienu se jaslu s’hawn. “Paul baqa’ jaħdem kemm felaħ, konna ngħinu lil ħaddieħor bla ma qatt bsarna x’saram konna se nispiċċaw fih, bħalma jagħmlu ħafna Maltin u Għawdxin ġenerużi. Illum il-ġurnata ilna snin niġġieldu kontra l-mewt u għalkemm niffukaw aktar fuq kif se nantiċipaw il-gwaj aktar milli kemm se nonfqu, s’issa nikkalkulaw li qbiżna l-€160,000 fi spejjeż. Dan kollu għalfejn? Għalkemm nifhem li kulħadd għandu s-salib tiegħu, qiegħdin nitolbu għall-għajnuna tal-pubbliku għax aħna waħidna ma nifilħux aktar. Qatt f’mitt sena ma bsart li dak li konna naraw fuq it-televiżjoni konna se nispiċċaw ngħixuh fil-ħajja ta’ kuljum”, temmet tgħidilna Marica.

Kull min jixtieq jagħti għajnuna jista’ jagħmel dan permezz ta’ MobilePay fuq 99881768 jew fil-kont bankarju: MT92VALL22013000000050015722491

Min jixtieq juża’ r-Revolut jista’ jagħmel dan fuq in-numru 79233995

Ekonomija

Sport