F’operazzjoni mmexxija mill-Awtorità tal-Ippjanar bl-assistenza ta’ kuntratturi privati kif ukoll ta’ xi uffiċjali tal-Pulizija dalgħodu bdiet tiġi żgumbrata medda ta’ art agrikola li fl-aħħar xhur kienet inbidlet fi scrapyard.
Dan is-sit jinsab infurmat li kmieni għall-ħabta tas-7:00 a.m fi Triq ta’ Brija fis-Siġġiewi numru ta’ uffiċjali intervjenew fil-post biex jitwettaq l-infurzar wara li s-sid ilu żmien jinjora t-twissijiet maħruġa mill-awtoritajiet.






Dan is-sit jinsab infurmat ukoll li din l-operazzjoni mhix waħda li se tieħu biss ftit sigħat minħabba li hemm ammont sostanzjali ta’ art li fl-aħħar xhur imtliet b’karozzi fost affarijiet oħrajn li bidlu din l-art b’potenzjal agrikolu, fi scrapyard.





B’hekk wara numru ta’ lmenti anke minn residenti, l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda twettaq dak li hu mistenni minnha bħala awtorità biex b’hekk din l-art tirritorna għall-funzjoni proprja tagħha.

Waqt l-operazzjonijiet li għadhom għaddejjin, membri mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit kellhom jintervjenu u jarrestaw lil min kiser il-liġi wara li dan sar aggressiv u hedded lill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar.