Sunday, December 29, 2024

ARA: Ingliża ta’ 68 sena kisbet Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

It-tagħlim tal-lingwa Maltija tqisu bħala l-aqwa vjaġġ ta’ ħajjitha

Aqra wkoll

Bil-mod il-mod f’pajjiżna bdiet dieħla d-drawwa li persuni barranin minn pajjiżi diversi illi jiġu jgħixu Malta jibdew jitgħallmu l-lingwa Maltija, sal-punt li meta tisma’ tfal ċkejknin jitkellmu l-Malti tiġi fid-dubju jekk humiex Maltin jew barranin.

YouTube video

Studji lingwistiċi juru li iktar ma persuna tikber fl-età, huwa iżjed diffiċli biex titgħallem lingwa ġdida. Infatti, anki f’pajjiżna stess, fl-aħħar snin tal-primarja bdejna nintroduċu t-tielet lingwa għall-istudenti bil-għan li jkollhom iżjed idea ċara tat-tielet lingwa li jixtiequ jitħarrġu fiha matul il-ħames snin tas-sekondarja. Iżda, għalkemm l-età tista’ sservi ta’ ostaklu fit-tagħlim inġenerali u iżjed minn hekk fil-lingwi, persuna barranija fl-età ta’ 68 sena li għadha kemm kisbet Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti hija eżempju ċar ta’ kemm il-perseveranza kapaċi tegħleb bosta barrieri.

Minn turista għal qarrejja tal-provi bil-Malti

Talk.mt iltaqa’ ma’ Marian Belsten, Ingliża residenti Buġibba, u li għandha għal qalbha l-lingwa Maltija. Oriġinarjament hija ġiet Malta fuq vaganza twila biex tipprepara għal kompetizzjoni tal-għawm li kienet se ssir f’pajjiżna. Spjegat magħna li meta turist iżur il-gżejjer Maltin mhux faċli biex jaqbad u jitlaq, tant li eventwalment iddeċidiet li tibqa’ tgħix Malta. Ilha residenti f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 11-il sena. “Meta ġejt Malta ddeċidejt li huwa importanti illi nitgħallem il-lingwa tal-pajjiż biex nikkomunika man-nies u sabiex nuri rispett lejn il-pajjiż,” saħqet Marian.

Għalkemm għamlet numru ta’ korsijiet biex titħarreġ b’mod professjonali fi lsienna hija tħoss li l-kompetenza tagħha fit-taħdit mhix b’saħħitha daqs dik fil-kitba. Hija rrimarkat li dan seħħ sforz il-limitazzjoni fil-ħin allokat għall-prattika tal-Malti mitkellem fil-korsijiet minħabba li l-qari u l-kitba jingħataw iżjed importanza matul il-lezzjonijiet u għalhekk dan sfortunatament joħonqilhom il-lok għall-prattika. Intant, hija spjegat ma’ dan is-sit li din kienet ir-raġuni ewlenija li instigatha biex tibda l-kors tal-qari tal-provi – kors universitarju b’livell ta’ MQF 5 li permezz tiegħu l-istudenti jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija, is-sintassi, il-grammatika, u l-punteġġjatura. Ftit tal-jiem ilu, Marian irnexxielha ttemm dan il-kors b’suċċess hekk kif għaddiet mill-eżamijiet kollha.

L-isfidi u s-sodisfazzjon tal-lingwa Maltija

Marian irrakkontat magħna li ħadet diversi lezzjonijiet ma’ għalliema tal-Malti kkwalifikati, fejn saħansitra bdiet tistudja l-lingwa Maltija mill-qiegħ sakemm eventwalment waslet sal-Livell Intermedju u kisbet ukoll iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti. Hija kkjarifikat li għadha ma komplietx tistudja l-Malti f’Livell Avvanzat għaliex dan il-livell jikkonsisti f’ħafna letteratura u x-xewqa tagħha kienet li tiffoka iżjed fuq il-lingwa minn aspett lingwistiku, iktar milli dak letterarju.

F’waħda mill-osservazzjonijiet tagħha, Marian esprimiet il-fatt illi dawk il-Maltin li jsostnu li l-Malti huwa diffiċli bħala kitba, dan iseħħ minħabba li meta persuna titgħallem il-lingwa nattiva titgħallimha minn età żgħira ħafna. Dan ifisser li bħala tfal inkunu lħaqna tgħallimna nitkellmu, imbagħad meta nattendu l-iskola nkomplu nirfinaw it-taħdit u nitgħallmu niktbu. Huwa minn ewl id-dinja li l-ewwel mezz ta’ komunikazzjoni jkun it-taħdit u mhux il-kitba. Min-naħa l-oħra, persuni li l-Malti mhuwiex il-lingwa nattiva tagħhom u/jew ikunu bdew jitgħallmu l-Malti f’età fejn ikunu kompetenti fil-kitba, dan huwa ta’ benefiċċju għalihom għax jitgħallmu l-Malti mill-kotba u jkunu jafu fejn għandhom jitpoġġew konsonanti bħall-għ u l-h.

“Għall-barranin, li nitgħallmu niktbu qabel nitkellmu, dan jgħallimna niktbu kif suppost,”

Marian

Meta ntalbet tesprimi l-opinjoni tagħha dwar jekk il-Maltin japprezzawhiex biżżejjed il-lingwa tagħhom, filwaqt illi osservat li hemm bosta Maltin li għandhom imħabba kbira lejn ilsien art twelidhom, hija qalet li hemm oħrajn li jqisu l-Ingliż bħala lsien iżjed faċli minħabba li jservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni li jgħaqqadhom mal-kumplament tad-dinja.

Bħal kull ħaġa oħra, it-tagħlim tal-lingwa huwa vjaġġ li jirrikjedi ċertu determinazzjoni u li jġib miegħu ammont ta’ sfidi sabiex eventwalment jagħtik is-sodisfazzjon mixtieq. Għaldaqstant, hija ħeġġet lil dawk il-barranin li beħsiebhom jitgħallmu l-Malti sabiex jagħmlu dan fi żmien opportun fejn ikollhom biżżejjed ħin għat-tagħlim ħalli jagħmlu ċert li jiksbu esperjenza sabiħa bħalma kellha hi. Marian tiddeskrivi l-esperjenza tagħha matul it-tagħlim tal-lingwa Maltija bħala “l-aqwa vjaġġ ta’ ħajjitha”.

Ekonomija

Sport