Friday, December 13, 2024

ARA: “Irrid noħloq kuxjenza u nagħti kuraġġ lil min bħali għandu l-kundizzjoni tal-Crohn’s Disease”

Dr Katya De Giovanni

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Dr Katya De Giovanni se tkun qed taħdem biex toħloq aktar għarfien dwar il-Crohn’s Disease, li hija kundizzjoni li ġġib magħha problemi ta’ saħħa fuq dawk l-individwi li jkollhom jgħaddu minn din it-tip ta’ kundizzjoni.

Dr Katya De Giovanni uriet din ix-xewqa tagħha f’intervista li għamlet ma’ dan il-ġurnal fejn stqarret li hija stess għaddiet minn din il-kundizzjoni u kien dan l-għan li nissel fiha x-xewqa li taħdem biex toħloq aktar għarfien dwar il-konsegwenzi ta’ din il-kundizzjoni. 

Il-Crohn’s Disease, kif inhi msejħa bl-Ingliż, iġġib magħha infjammazzjoni fil-musrana u fost l-oħrajn twassal għal uġigħ fiż-żaqq, diarrhea, għejja, telf ta’ piż u problemi fin-nutrizzjoni.

Dr De Giovanni tqis din il-kundizzjoni bħala diżabbiltà li ma tidhirx għalkemm tqisha wkoll bħala parti mill-identità tagħha. Hija tgħallmet tgħix biha u qed tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex tibqa’ għaddejja filwaqt li tkompli tagħmel il-ġid man-nies.

YouTube video

“Din il-kundizzjoni ġġib magħha ħafna tbatija u trid tieħu l-mediċina għaliha kif ukoll drip li rrid nieħu kull sitt ġimgħat. Hi kundizzjoni siekta li minkejja kollox trid titgħallem tgħix biha”.

De Giovanni titkellem dwar meta ndunat li xi ħaġa ma kinitx sejra sew fiżikament fejn darba fost l-oħrajn waqt li kienet sejra għall-vaganza ma’ żewġha Kenneth, l-ajruplan beda jdejjaqha u qabadha uġigħ ta’ żaqq kbir.

“Irrid ngħid li l-ajruplan iqabbadni stress kbir u nibża’ ftit minnu iżda dakinhar ħassejt ċerta skumdità fl-istonku. Qtajtha darba għal dejjem li nara x’għandi eżatt kif wasalt lura Malta.”

“Kien għalhekk li ddeċidejt li mmur għand konsulent wara li kont ili nħoss dawn is-sintomi. Fil-passat meta kont immur għand it-tobba, il-kelma kienet li forsi għandi l-IBS (Irritable bowel syndrome). Iżda meta mort għand dan il-konsulent kien saqsini bosta domandi fosthom jekk kellhiex xi ħadd fil-familja li kien ibati mill-istess sintomi.”

“Fil-verità kelli lill-kuġin tiegħi li kellu l-Crohn’s Disease u l-probabbiltà kienet li anke jien kelli xi ħaġa hekk.”

Fil-fatt wara li għamlet MRI, dak kollu li kien intqal irriżulta verità. Din il-kundizzjoni ġġiegħel lill-musrana ż-żgħira sabiex xi kultant tidjieq, l-ikel ma jgħaddix kif suppost u jikkawża xi uġigħ filwaqt li ‘l hekk imsejħa suldati li huma ċ-ċelloli l-bojod ikunu għoljin aktar milli jmisshom u saħansitra jattakkaw ċelloli oħra fid-demm li huma tajbin. Dan jikkawża wkoll ulċeri li jġibu magħhom ħafna uġigħ u għalhekk it-trattament hu ferm importanti.

“Jien nieħu l-mediċini neċessarji sabiex innaqqas l-effetti li ġġib magħha l-Crohn’s Disease. Barra minn hekk ikollha tieħu wkoll id-drip li hi importanti sabiex tikkontrolla xi sintomi li joħorġu minn żmien għal żmien.”

Kien hawn li De Giovanni rabbiet kuraġġ ta’ sur u ddeċidiet li minflok toqgħod tibki xortiha, taħdem qatigħ sabiex tagħmel xi ħaġa ta’ ġid. Illum il-ġurnata, De Giovanni hija wkoll membru parlamentari xi ħaġa li tqisu bħala privileġġ. Madankollu hi tagħżel sabiex titkellem aktar dwar din il-kundizzjoni li kif għedna ssejħilha diżabbiltà moħbija.

Il-ġurnalist Cristian Muscat f’intervista mad-deputata Laburista Katya De Giovanni

Hi tgħid li għandha marda kronika iżda ma toqgħodx lura sabiex titkellem dwarha u fuq kollox twassal ċertu għarfien li min ibati minn din il-kundizzjoni m’għandux għalfejn jistħi.

“Issa li ninsab naqdi r-rwol ta’ membru parlamentari, se nipprova noħloq kuxjenza u nagħti kuraġġ lil min bħali għandu din il-kundizzjoni. Mhux xi diżunur jekk xi kultant ikollok uġigħ f’żaqqek u jkollok bżonn tmur it-toilet.”

Bħala psikologa hi tagħti pariri li min qed jgħaddi minn xi problema u għalhekk tifhem sew minn dak li jgħaddu minnu ċerti nies li hi tara.

“Jien ngħid lil kulħadd li l-kundizzjoni trid tiġġildilha. Nammira ħafna lil ċerti nies li jagħmlu xi ħaġa sabiex jibqgħu għaddejjin. Hemm min jagħmel xi forma ta’ eżerċizzju, oħrajn imorru jagħmlu xogħol volontarju. Dan kollu jgħin sabiex int ma titħassarx lilek innifsek, anzi tqum fuq tiegħek u tibqa’ għaddej.”

Minkejja li dan kollu mhux faċli, hi għandha kliem ta’ kuraġġ u min għandu xi problema jfittex l-għajnuna u mhux jingħalaq fih innifsu. Hi temmen li l-pożizzjoni tagħha fil-parlament se tgħin sabiex dawk in-nies li qed jgħaddu minn sitwazzjonijiet simili u qed ibatu fis-skiet joħorġu fil-beraħ u jfittxu l-għajnuna.

Hija raddet ħajr lil kull min għenha f’dawn l-aħħar snin sabiex ikunu ta’ spalla għaliha l-iktar fil-mumenti diffiċli fosthom l-MITU fejn tingħata l-kura għal din il-kundizzjoni kif ukoll anke l-Malta Association of Crohn’s and Colitis li dejjem ikunu hemm għal kulma persuna tiġi bżonn. 

Sadanittant, mistoqsija dwar il-ħajja tagħha fil-politika, hija qalet li l-politika hi parti importanti minn ħajjitha minħabba li bħala persuna l-għaxqa tagħha tgħin lin-nies.

Ekonomija

Sport