L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba, li huwa wkoll Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew, qal li din il-ġimgħa xejn ma kienet waħda faċli għalihom fil-PE, minħabba l-allegat każ ta’ korruzzjoni marbuta mal-Qatar.
Qal li sa ftit sigħat wara li ħareġ dan il-każ, bdew jittieħdu d-deċiżjonijiet, fejn numru ta’ deputati ġew sospiżi jew saħansitra tkeċċew mill-grupp fosthom Eva Kaili, li tneħħiet ukoll minn Viċi President tal-PE.
“L-akbar xogħol li kellna kien li naraw x’ġara f’dan il-każ, min kienu l-elementi l-oħra kemm fil-grupp kif ukoll barra li kienu allegatament involuti fil-każ. Waħda mill-ewwel deċiżjonjiet li ħadt kienet li titwaqqaf l-inkjesta immexxija mill-eks President tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Hannes Swoboda, biex ikun stabbilit eżatt x’ġara u ma ġarax. Se jgħinu wkoll numru ta’ membri preżenti u anke eks membri.”
Agius Saliba qal li se jkunu qed jirrevedu r-regoli interni tal-grupp tal-S&D sabiex jibagħtu messaġġ b’saħħtu li “aħna grupp aktar trasparenti u n-nuqqasijiet li seta’ kien hemm fis-sistema jiġu rranġati sabiex każijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.”
“F’din is-sitwazzjoni fejn l-affarijiet baqgħu jiżviluppaw, aktar ismijiet qed joħroġu anke elementi fi gruppi politiċi oħra qed jissemmew li allegatament kienu parti minn dan il-każ jew każi oħra ta’ influwenza minn pajjiżi terzi.”
Agius Saliba temm jgħid li jemmen li issa għandna bżonn naħdmu ferm aktar biex nerbħu lura l-fiduċja taċ-ċittadini f’din l-istituzzjoni. Qal li dan jista’ jsir billi jmexxu bl-eżempju, jittieħdu d-deċiżjonijiet, jaraw li ssir ġustizzja imma fl-aħħar mill-aħħar ikun assigurat li “oxxenitajiet bħal dawn li seħħew” ma jerġgħu qatt isiru.
Il-każ ta’ Kaili…
It-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jtemm il-mandat tal-Viċi President Eva Kaili. Dan wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Griega flimkien ma’ tliet suspettati oħra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew akkużata b’korruzzjoni wara sejba ta’ madwar €1.5 miljun fi flus kontanti fil-pussess tagħhom. Dan l-iskandlu heżżeż il-blokk Ewropew b’sitwazzjoni deskritta tal-mistħija bil-President tal-PE Roberta Metsola tqis dawn il-ġranet bħala żmien diffiċli għad-demokrazija Ewropea.