Saturday, December 21, 2024

ARA: “Irridu nimxu lejn ekonomija ħadra u diġitali”

Aqra wkoll

YouTube video

“Nemmen f’ambjent diġitali fejn litteralment naqilbu għal trasformazzjoni ħadra u diġitali. Dan għandu jkun il-mudell ekonomiku li jmiss u permezz tal-Unjoni Ewropea se nkunu qed inġedduh dejjem aktar għax wieħed irid iħares lejn il-ġejjieni. Huwa għalhekk li apparti li nżommu l-pass, inkomplu ninvestu fin-nies.”

Dan stqarru s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi waqt intervista li kellu ma’ dan il-ġurnal.

Dr. Zrinzo Azzopardi spjega fid-dettall ir-rwol tiegħu f’dan is-segretarjat parlamentari fejn l-ewwelnett tlabnih ikellimna dwar l-esperjenza tiegħu f’din il-kariga. Hu qalilna li għalih din kienet l-ewwel esperjenza parlamentari u qed iqis dan iż-żmien bħala wieħed ferm interessanti.

“Hu segretarjat parlamentari li jolqot il-ministeri kollha u għalhekk għandi ċ-ċans naħdem aktar mill-qrib mal-membri tal-kabinett speċjalment meta niġi biex nikkonsulta magħhom dwar programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Jien min-naħa tiegħi nieħu ħsieb in-negozjati sabiex dawn jiġu konklużi b’suċċess filwaqt li nġibu l-aqwa pakkett finanzjarju possibbli.”

Zrinzo Azzopardi semma’ li dawn is-sentejn li għaddew minħabba l-pandemija tal-COVID kienu ta’ sfida kbira għad-dinja kollha u Malta mhux b’inqas. Hu qal li ftit taż-żmien ilu rnexxielu jikkonkludi pakkett finanzjarju tal-Unjoni Ewropea fil-perjodu bejn l-2021 u l-2027 fosthom il-pjan ta’ resiljenza bin-negozjati f’Lulju 2020 li kienu ta’ suċċess u għalhekk bdejna bil-fażi tal-implimentazzjoni.

​​​Fil-fatt f’laqgħa ta’ livell għoli ma’ ministri responsabbli mill-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea li matulha ddiskutew l-istrumenti finanzjarji li l-Unjoni Ewropea qed tressaq permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Pjan tal-Irkurpru Ewropew. l-Unjoni Ewropea pprovdiet strumenti finanzjarji addizzjonali bil-għan li l-ekonomija Ewropea terġa’ tqum fuq saqajha u l-ebda pajjiż ma jitħalla jaqa’ lura. 

Fost dawn l-istrumenti finanzjarji hemm il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-programm REACT-EU. 

F’dan il-pjan ta’ seba’ snin li beda s-sena l-oħra, Malta għandha tkompli taħtaf dawn l-opportunitajiet ħalli il-pakkett ta’ €2.25 biljun li l-Prim Ministru Robert Abela rnexxielu jakkwista għal Malta jintuża bl-aqwa mod u jħalli l-akbar impatt fuq l-ekonomija u l-benesseri tas-soċjetà Maltija kollha. 

Ħafna jsaqsu x’ifisser il-pjan ta’ rkupru u resiljenza. Stefan Zrinzo Azzopardi qalilna li dan għandu żewġ fondi partikolari b’negozjati li jsiru kull seba’ snin. Peress li matul dawn ix-xhur konna għaddejjin minn żmien ta’ pandemija, kellu jkun hemm pakkett addizzjonali għax skont il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea dan kien meħtieġ sabiex ċerti negozji jieħdu r-ruħ wara d-daqqa finanzjarja li rċevew. Għalhekk kien hemm bżonn ta’ finanzjament u l-Unjoni Ewropea ħasbet għal dan kollu. 

Iżda f’dan l-istadju x’inhuma l-prijoritajiet ewlenin?

“L-ewwel fost il-prijoritajiet ewlenin hu li nkomplu nżidu l-inizjattivi ambjentali. Bħala gvern kommessi li nnaqqsu l-emissjonijiet u kien għalhekk li poġġejna importanza kbira fuq dan. Ma nistgħux ma nsemmux il-qasam edukattiv fejn qed naħdmu sabiex inlestu l-kampus il-ġdid tal-ITS li qed narah investiment importanti mhux biss fuq livell akkademiku iżda wkoll f’dak turistiku.”

Zrinzo Azzopardi tenna li l-qasam ambjentali se jkun qed jingħata prijorita’ tant li qed jaħdmu fuq il-pjan tas-snin bejn l-2030 u l-2050 fejn irridu naħdmu iktar fuq il-qasam tat-traffiku.

“L-għan tagħna hu li jkollna vetturi li jaħdmu bl-elettriku sabiex innaqqsu dawk id-dħaħen mill-arja. Diġa’ għamilna biċċa xogħol kbira fis-snin li għaddew fejn qlibna minn fejn inġibu l-enerġija tagħna mill-heavy fuel oil għall-gass. Hemmhekk rajna kambjament diġa’ kbir aħseb u ara issa li qed naħdmu fuq dan il-pjan ambizzjuż iżda importanti.”

Is-segretarju parlamentari għall-fondi Ewropej sostna li settur diġitali wkoll qed jingħata ċerta importanza minħabba li qed iħarsu lejn il-futur teknoloġiku.

Hekk kif ikkonferma li dan il-pjan ġie mfaħħar bħala wieħed ambjentali u importanti, Zrinzo Azzopardi sostna li jemmen fl-investiment tar-riżorsi umani u kemm dawn jikkontribwixxu sew għas-suċċess ekonomiku.

Hu qal li n-nies se jkomplu jgawdu minn dan il-pjan ambjentali permezz ta’ kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Semma’ bħala eżempju l-lokalita’ ta’ Birżebbuġa fejn il-gvern qed jaħdem fuq pjan sabiex jonqsu l-emissjonijiet li joħorġu mill-vapuri li jidħlu fil-Port Ħieles. Ċertament li dan għandu impatt fl-arja u għalhekk li hemm pjan ta’ azzjoni dwar dan.

Hu sostna li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għas-suċċess u għalhekk li s-segretarjat parlamentari flimkien mal-gvern qed jaħdem qatigħsabiex aktar studenti jibqgħu jistudjaw wara s-16-il sena.

Fost oqsma oħra, Zrinzo Azzopardi semma’ wkoll il-qasam tal-ġustizzja li jrid ikun aktar effiċjenti u għalhekk għaddejjin diskussjonijiet sabiex issir din il-qabża fil-kwalita’.

Finalment semmejna t-taħriġ u kemm hu importanti li jkollok ħaddiema mħarrġa f’xogħolhom.

“Nemmen li t-taħriġ hu ferm essenzjali għax aħna nqisu lin-nies bħala riżorsa importanti fil-kontribut għall-progress soċjali. Bil-ħila tal-ħaddiema bħala pajjiż dejjem imxejna ‘l quddiem għax niftaħru li għandna nies ta’ ħila kbira li dejjem taw sehemhom għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.”

“Fl-opinjoni tiegħi, dak li tgħallimna 20 sena ilu kien utli u ħadna ħafna minnu iżda għalhekk irid ikun hemm taħriġ kontinwu lill-ħaddiema tagħna għax kellna żvilupp teknoloġiku qawwi f’dawn iż-żminijiet u l-ħaddiema jridu jlaħħqu ma’ din it-trasformazzjoni li qed naraw fid-dinja tagħna li qed issir dejjem aktar globalizzata.”

Il-messaġġ aħħari tal-onorevoli Stefan Zrinzo Azzopardi kien wieħed ċar. Flimkien kapaċi nilħqu miri importanti li jwassluna sabiex inkomplu niżviluppaw dejjem aktar f’kull sens filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan jinħolqu aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Ekonomija

Sport