Friday, December 20, 2024

ARA: Isiru l-purċissjonijiet bl-Irxoxt wara nuqqas ta’ sentejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Knisja Kattolika llum tiċċelebra l-akbar festa tagħha, l-Għid il-Kbir, il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. 

F’diversi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex saru l-purċissjonijiet bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, b’ħafna minnhom jagħmlu wkoll il-ġirja tradizzjonali bl-istatwa. 

L-istennija għall-purċissjonijiet kienet waħda kbira wara li fis-sentejn li għaddew dawn ma sarux minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.

It-temp sabiħ ikkumplimenta din il-festa u għadd ta’ nies ħarġu fit-toroq isegwu mill-qrib il-purċissjonijiet. 

Dan is-sit niżel fil-lokalità tar-Rabat, Malta, fejn hemmhekk il-purċissjoni għaddiet minn diversi toroq u rat ukoll is-sehem tal-fratelli, personaġġi u s-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru. Fil-bidu tal-purċissjoni sar ukoll it-tberik tat-tfal u l-figolli.

Intant, is-Sibt filgħaxija, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, mexxa l-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. 

Fl-omelija, l-Arċisqof qal li l-qawmien ta’ Kristu jistedinna nfittxu lil Ġesù kull fejn hemm il-ħajja, u mhux fejn hemm il-mewt. Spjega li “mhux biss nieqfu nħarsu lejn fejn hemm biss il-mewt imma niftakru li l-kelma tiegħu ssir memorja ħajja fil-ħajja u x-xhieda tagħna”. 

Fil-lejl ta’ Sibt il-Għid, l-Arċisqof Scicluna għammed 14-il adult li permezz tas‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin), saru membri tal‑Knisja Kattolika. 

L-Insara l-ġodda huma minn Malta, iċ‑Ċina, il‑Kosta tal‑Avorju, il‑Portugall, ir‑Repubblika Ċeka, ir‑Russja, il‑Libja, il‑Kuwajt, in‑Nepal u l‑Albanija.

Ekonomija

Sport