Saturday, December 21, 2024

ARA: “Ix-xogħol fil-PE jaffettwa ħafna liċ-ċittadini ta’ diversi pajjiżi fosthom pajjiżna” 

Il-kisbiet u l-isfidi tal-MEPs Maltin f’din is-sena …

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Parlament fi Strasburgu, fl-aħħar jiem dan is-sit kellu l-opportunità li jitkellem mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin dwar diversi suġġetti. Wara li fil-ħarġa tal-bieraħ qsamna magħkom ir-reazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili u l-vot ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha, illum qegħdin inwasslulkom summarju ta’ dawk li skonthom huma l-akbar kisbiet għal din is-sena fil-ħidma tagħhom u sfidi li jistennew li se jkun qed jaffaċċja l-Parlament Ewropew fis-sena li ġejja.

YouTube video

Dwar il-ħidma li wettaq matul din is-sena bħal membru soċjalista tal-Parlament Ewropew, Cuyrus Engerer elenka bosta minn ħidmietu u qal li din is-sena kienet waħda differenti billi kellna niffaċċjaw pandemija, saret ukoll elezzjoni ġenerali f’Malta u issa gwerra maħluqa mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna illi affettwat ix-xogħol kollu tal-Parlament Ewropew.

Huwa qasam ħidmiet fi tnejn – ix-xogħol li għamel f’Malta relatat mal-elezzjoni ġenerali partikularment ma’ dak li kienu qed jaħsbu u jħossu n-nies  u l-ħidma fil-parlament Ewropew

Fisser li huwa membru fi tliet kumitati prinċipali fejn ġie avdat mill-grupp tas-soċjalisti u demokratiċi biex imexxi u jaħdem fuq numru ta’ liġijiet. Fil-kumitat tal-ambejnt u s-saħħa pubblika, Engerer sostna li l-ikbar kisba għalih personali u għal Malta kienet id-deroga fuq il-mediċini li Malta tixtri mir-Renju Unit u li minħabba Brexit ma stajniex inkomplu nużawhom f’Malta. 

Fisser iżda li bil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew min-naħa u bil-ħidma tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Kunsill tas-Saħħa irnexxielna niksbu deroga għal tliet snin biex f’Malta nibqgħu nużaw il-mediċini li konna mdorrijin bihom. “Issa se nkomplu wkoll bil-ħidma biex il-pajjiżi kollha, anki l-iżgħar wieħed, ikollhom aċċess għall-mediċini bi prezzijiet affordabbli”, kompla Engerer.

Dwar kumitat l-ieħor li huwa involut fih dwar il-ġustizzja, l-intern u d-drittijiet ċivili stqarr li l-ikbar sodisfazzjon għalih kienet l-immigrazzjoni fejn għall-ewwel darba rnexxielhom jikkonvinċu lill-grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew biex ikun hemm l-istess pożizzjoni bħal dik ta’ Malta, jiġifieri dik li l-piż tal-immigrazzjoni jrid jinqassam bejn l-istati kollha tal-UE. 

F’dan il-kumitat LIBE Cyrus Engerer sostna li ħadem ħafna wkoll dwar drittijiet ċivili fosthom LGBTI, il-Familji Rainbow u familji oħra biex id-drittijiet tagħhom ikunu rikonoxxuti madwar l-Unjoni Ewropea kollha anki f’dak li għandu x’jaqsam l-ivvjaġġar. 

Semma wkoll l-ħidma kollha li wettaq dwar in-nisa u l-vjolenza tal-ġeneru li huma importanti wkoll fuq livell Ewropew u dan fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li sal-lum, numru ta’ stati membri tal-UE għadhom ma ffirmawhiex.

Fir-rigward tat-tielet kumitat li huwa membru fih, dak dwar kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea u dwar il-futur tl-istess UE, Engerer qal li kien onorat ħafna li ġie fdat mill-Parlament Ewopew biex inmexxi ’l quddiem dwar kif jaħdmu il-qrati nazzjonali tal-pajjiżi vis-a-vis il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u allura l-qafas legali tal-Unjoni Ewropea. 

F’dan il-qasam, ifisser is-sodisfazzjon li jagħtik in-negozjar ma’ membri oħrajn minn partiti differenti fil-Parlament għax tirrealizza li x-xogħol li jsir fil-livell ta’ parlament ewropew jaffettwa ħafna liċ-ċittadin ta’ diversi pajjiżi fosthom pajjiżna. Eżempju ta’ dan huwa rrefera għad-deroga dwar il-medċini mir-Renju Unit li issa erġajna bdejna nużawhom f’pajjiżna.

Mistoqsi dwar il-pjanijiet tiegħu għas-sena d-dieħla Cyrus Engerer qal li s-sena li ġejja se tkun l-aħħar waħda tal-mandat attwali tal-Parlament Ewropew u għalhekk huwa proprju dan iż-żmien li jibdew jingħalqu numru ta’ liġijiet li għadha ssir ħidma dwarhom. 

Fil-bidu tas-sena d-dieħla l-MPE qal li se jkun qed jiffinalizza u jagħlaq żewġ liġijiet importanti li qed jaħdem fuqhom; dik dwar il-qasam tal-ambjent partikularment il-liġi li tirregola u tistabilizza s-suq tal-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea speċjalment f’dan iż-żmien ta’ kriżi dwar l-enerġija u l-fjuwil għaliex huwa importnti ħafna li jkun hemm stabbiltà f’dan is-settur. 

Filwaqt li semma l-importanza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa sostna li daqstant ieħor huwa mportanti li jkollna stabbiltà tal-provvista u l-prezzijiet iktar u iktar f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

Dwar liġi oħra importanti li Engerer sostna li kuntent li qed jaħdem fuqha hija dik dwar ir-regolamenti tal-esportazzjoni tal-iskart. F’dan ir-rigward se jkun qed jittieħed vot fil-Parlament Ewropew f’Jannar li ġej u jekk jgħaddi dan il-vot, għall-ewwel darba ha tkun qed titwaqqaf l-esportazzjoni kollha tal-iskart tal-plastik mill-Unjoni ewropea. 

Sal-lum ħafna mill-iskart jintbagħat barra mill-UE, speċjalment f’pajjiżi terzi fejn ma jeżistu ebda ‘standards’ ta’ trattament tal-iskart tal-plastik li ħafna minnu jiġi mormi fi xmajjar, widien u ibħra, fin-natura tad-dinja taghna. Din tgħaddi din il-liġi se tkun rebħa storika għall-Parlament Ewropew u jekk tgħaddi wkoll mill-Kunsill Ewropew tkun rebħa storika wkoll għall-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett l-MPE Laburista qal li hemm ukoll is-supremazija tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u fisser li dwar dan is-suġġett huwa ngħata l-inkarigu biex jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-Unjoni Ewropea kollha dwar qafas legali li hu maħsub li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Settembru tas-sena d-dieħla bil-għan li jiġi msaħħaħ il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea. Temm jgid li huwa importanti għall-Unjoni Ewropea li jkollha qafas legali b’saħħtu u pedamenti sodi li permezz tagħhom tkompli miexja ’l quddiem.

Ekonomija

Sport